Futbol Sport

TRASFERIMENTI – Zidane jġedded il-kuntratt ma’ Real Madrid

Is-Sibt ħarġet l-aħbar li Zinedine Zidane ġedded il-kuntratt tiegħu ma’ Real Madrid u b’hekk se jibqa’ jmexxi liċ-champions Ewropej sal-2020. Hu ffirma kuntratt ta’ tliet snin maċ-champions ta’ Spanja.

Filwaqt li Zidane esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal din l-aħbar hu qal li qatt ma kien hemm għalfejn jasal il-mument li jġedded il-kuntratt biex jikkonferma li se jibqa’ mal-klabb għax hu minn dejjem kien deċiż li jibqa’ marbut ma’ dan it-tim.

Zidane beda jmexxi lil Real Madrid f’Jannar ta’ sena ilu meta dakinhar kien ħa post Rafa Benitez u minn hemm ‘il quddiem rebaħ diversi unuri fosthom it-Tazza tad-Dinja tal-Klabbs, darbtejn iċ-Champions League, il-kampjonat u darbtejn il-UEFA Super Cup.

L-aħħar suċċess tiegħu wasal nhar it-Tlieta li għadda meta Real rebħu l-UEFA Super Cup u l-Ħadd dawn ikunu impenjati fl-ewwel leg tal-finali tas-Super Cup Spanjola kontra Barcelona.