Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, mhux jeskludi għażla militari fl-impenn lejn it-trażżin tal-kriżi fil-Veneżwela.
Hu sostna li l-Istati Uniti għandha varjetà ta’ għażliet li jinkludu l-option għal intervent, fil-pajjiż Latin Amerikan, f’każ li dan ikun neċessarju.
Trump irrefera għall-fatt li in-nies fil-Veneżwela ‘qegħin ibatu u jmutu’, waqt li l-Ministru tad-Difiża Veneżolan, Vladimir Padrino, ikkritika bl-aħrax is-suġġeriment tal-Mexxej Amerikan dwar azzjoni militari potenzjali.
L-assemblea għall-kostitwenti ġdida tal-President tal-Veneżwela, Nicolas Maduro, qed tkun ikkundannata bħala waħda anti-demokratika. Dan meta l-Istati Uniti imponiet is-sanzjonijiet fuq il-President Maduro, waqt li fissritu bħala dittatur.
L-aħħar rapporti, issa, qalu li l-President Maduro talab l-opportunità biex jitkellem mal-President Trump permezz ta’ telefonata. Ingħad ukoll – skont kummenti mill-White House ta’ Washington – li ‘Donald Trump għandu jitkellem bil-qalb ma’ Maduro ladarba tirritorna d-demokrazija fil-Veneżwela’.
Kompliet, intant, il-pressjoni fuq il-Gvern tal-Veneżwela, bil-Peru ikeċċi lill-Ambaxxatur Veneżolan minn Lima wara li l-awtoritajiet Veneżolani bagħtu ‘tweġiba mhix aċċettabbli’ għall-kundanna, mir-reġjun, għall-assemblea tal-kostitwenti f’Caracas. L-ambaxxatur inkwistjoni ngħata ħamest ijiem biex jitlaq mill-Peru.
//= $special ?>