L-għaqdiet ‘Friends of the Earth’ u ‘Flimkien għal Ambjent Aħjar’ fi stqarrija rringrazzjaw lil 5,500 persuna li bagħtu s-sottomissjonijiet tagħhom lill-awtoritajiet bl-iskop li jkun hemm 24 sit fil-gżejjer Maltin protetti taħt il-liġi tad-dominju pubbliku.
Iż-żewġ ENGOs qalu li minkejja li l-konsultazzjoni pubblika saret fis-sajf, ir-rispons qawwi tan-nies juri bl-aktar mod ċar li l-Maltin jagħtu valur lin-natura, u jridu li jaraw dawn is-siti jingħataw qoxra oħra ta’ protezzjoni mhux biss biex ikunu salvagwardjati u preservati llum, iżda wkoll biex ikunu salvagwardjati għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Fost l-24 sit li l-pubbliku qal li jrid li jkunu protetti taħt il-liġi tad-dominju pubbliku hemm is-sit ta’ Manoel Island, Wied Garnaw, il-Ħondoq, is-sit tal-Qala, il-Kalanka, Delimara, is-sit ta’ xi bajjiet mill-bajja ta’ San Ġorġ sa Tas-Sliema, xi siti mal-kosta tal-Belt Valletta, siti mill-bajja ta’ San Tumas sa Xrobb l-Għaġin, u oħrajn.
Il-perjodu ta’ konsultazzjoni issa huwa magħluq u l-proposti se jitressqu quddiem il-Ministru responsabbli mill-artijiet, qabel dawn imorru l-Parlament ladarba dan jerġa’ jitlaqqa’. Friends of the Earth u Flimkien għal Ambjent Aħjar qalu fl-istqarrija tagħhom li huma jittamaw li dawn il-5,500 sottomissjoni mill-pubbliku jibagħtu messaġġ qawwi lill-Parlament biex japprova s-siti kollha proposti.
//= $special ?>

