Lokali

AĠĠORNATA: Tilfet ħajjitha l-anzjana li kienet pazjenta fl-ambulanza involuta fl-inċident tat-traffiku fi tmiem il-ġimgħa

Inċident li jinvolvi żewġ vetturi u disa' persuni.

L-inċident fatali li seħħ sbieħ is-Sibt filgħpdu ħalla t-tieni vittma hekk kif il-mara ta’ 89 sena li kienet pazjenta fl-ambulanza involuta fl-inċident tilfet il-battalja mal-mewt.

Fil-ħin tal-inċident, Giovanna Galea kienet qed titwassal lura d-Dar tal-Anzjani lejn il-Mellieħa mill-Isptar Mater Dei – takkumpanja l-mara kien hemm ukoll bintha ta’ 51 sena.

Aktar kmieni…

Ingliż ta’ 29 sena jitlef ħajtu u minn tal-inqas tmienja oħra jinsabu feruti wara li ambulanza u karozza ħabtu fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu fix-Xemxija.

L-inċident seħħ għall-ħabta tas-01.20 fi Triq it-Telgħa ta’ Selmun, hekk kif ambulanza tas-Salib l-Aħmar, li kienet qed tinstaq minn Taljan ta’ 55 sena residenti l-Mosta, kellha impatt frontali ma’ karozza tat-tip Daihatsu Sirion misjuqa minn Ingliż li l-età tiegħu għadha mhix magħrufa.

Il-passiġġier li kien fuq quddiem tal-karozza ġie ddikjarat mejjet fuq il-post.

Intant fl-ambulanza, minbarra l-vittma, bintha u x-xufier kien hemm ukoll  raġel ta’ 43 sena li joqgħod il-Mellieħa lkoll sofra ġrieħi gravi.

Ġrieħi gravi wkoll għas-sewwieq tad-Daihatsu Sirion u l-passiġġieri l-oħra, 2 Ingliżi u Malti li jirrisjedi l-Fgura li l-etajiet tagħhom ivarjaw bejn l-20 u d-29 sena. Ix-xufier tal-ambulanza u mara ta’ 38 sena li kienet fl-istess ambulanza sofrew ġrieħi ħfief.

Minkejja li huma wkoll kienu feruti, l-ekwipaġġ tal-Malta Red Cross ipprovdew l-assistenza fil-post sakemm wasal tim mediku mill-Isptar Mater Dei. Fil-post waslu wkoll membri tal-Protezzjoni Ċivili u wkoll uffiċjali tal-Pulizija.

Dwar il-każ infetħet inkjesta Maġisterjali mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.