Lazio rebħu s-Supercoppa Italiana għar-raba’ darba fl-istorja tagħhom wara li għelbu lil Juventus 3-2 fit-30 edizzjoni tal-kompetizzjoni. Ir-rebħa waslet wara gowl lejn it-tmiem tas-sostitut Alessandro Murgia biex ta l-ewwel suċċess lil Simone Inzaghi bħala kowċ.
Juventus kien irnexxielhom jirkupraw minn żewġ gowls minn taħt lejn it-tmiem u kienu anki qed jagħfsu għal gowl tar-rebħa, iżda sofrew il-gowl determinanti biex tilfu l-finali għat-tieni sena konsekuttiva wara li f’Diċembru li għadda tilfu kontra Milan bil-penalties.
Lazio marru minn fuq fit-32 minuta meta r-referee Davide Massa ordna penalty għal fawl ta’ Gianluigi Buffon fuq Ciro Immobile. Mill-11-il metru l-istess plejer skorja b’xutt fil-baxx. L-iskor sar 2-0 fl-54 minuta meta minn kross mil-lemin, reġa’ kien Ciro Immobile li b’daqqa ta’ ras ħalla lil Buffon iħares.
Iċ-Champions Taljani bdew iżidu fl-isforzi tagħhom bil-kowċ Allegri jdaħħal lil Douglas Costa u Federico Bernardeschi. Huma naqsu d-distakk fil-85 minuta bi free-kick mill-isbaħ ta’ Paulo Dybala, bl-istess plejer iġib id-draw fid-90 minuta wara l-Bianconeri ngħataw penalty għal fawl ta’ Alex Marusic fuq Alex Sandro.
Iżda kien għad fadal ħin għal gowl ieħor meta fl-94 minuta, Jordan Lukaku għadda minn fuq ix-xellug u krossja għan-nofs lejn Alessandro Murgia li skorja b’konklużjoni fil-baxx biex tefa’ lill-partitarji ta’ Lazio preżenti f’dellirju ta’ ferħ.
//= $special ?>