Wara li l-ġimgħa li għaddiet il-mument żvelat kif fil-Ħabs hemm problema serja tad-droga, fil-ħarġa tal-lum, il-gazzetta żvelat kif priġunier partikulari ftaħar li ħadd ma jista’ għalih u dak li jitlob minn ġewwa u minn barra l-Ħabs, jingħatalu f’qasir żmien.
Dan il-priġunier – residenti f’ċella f’Diviżjoni 1 – allegatament ftaħar bil-kuntatti kbar ma’ ċerti Ministeri u Segretarji Parlamentari, tant li mhux l-ewwel darba li fil-bitħa tal-Ħabs titfaċċa xi karozza Ministerjali u bil-pjanċi Ministerjali u dan il-priġunier jgħaddi ħin relattivament twil ġo fiha jitkellem ma’ min ikun hemm fil-karozza.
Korrispondenza li ntbagħtet lil il-mument ftit tal-jiem ilu u li minnha diġà ġew żvelati diversi punti xokkanti, tindika li l-priġunier f’Diviżjoni 1, li qed jiskonta senteza ta’ ħabs dwar frodi, jiftaħar bil-kuntatti b’saħħithom ħafna ma’ rjus kbar fil-Gvern.
Dan il-priġunier, li l-gazzetta għandha wkoll l-isem tiegħu u fatti oħrajn importanti dwaru, ftaħar li fost il-kuntatti, għandu dawk ma’ nies qrib Ministri u Segretarji Parlamentari li meta kien barra l-Ħabs kien jaqdihom tajjeb ħafna.
Is-sors li kkomunika ma’ il-mument fisser kif mat-tħabbir tar-riżultat tal-Elezzjoni Ġenerali li għaddiet, dan il-priġunier organizza riċeviment biswit iċ-ċella tiegħu stess. Għal dan il-festin jew drink attendew ukoll Uffiċjali tal-Ħabs li ngħaqdu miegħu u ma’ oħrajn fiċ-ċelebrazzjonijiet. Mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li ħadd mill-Uffiċjali ma waqqfu jew ġibidlu xi attenzjoni li dak li kien qiegħed ikun organizzat, ma kienx permissibbli.
Dakinhar, kompla jfisser is-sors, min ħa ħsieb jieħu din l-inizjattiva sa rama l-post bi bnadar ta’ Malta u oħrajn tal-Partit Laburista u ħejja wkoll mużika b’innijiet konnessi mal-Partit Laburista. Kollox baqa’ għaddej mingħajr ma ttieħdu l-ebda passi ta’ dixxiplina.
L-ironija hi li s-sors kompla jispjega li Uffiċjali tal-Ħabs javviċinaw lil dan il-priġunier partikulari biex jgħaddilhom xi kelma ħalli jkunu jistgħu jinqdew f’xi affarijiet li jkollhom bżonn. Sadanittant, l-istess priġunier, li jiftaħar li lilu ħadd ma jista’ jikkontrollah, allegatament mill-Ħabs hu għandu s-saħħa li b’telefonata jittrasferixxi lil dak u lill-ieħor.
Il-gazzetta Il-Mument irrapurtat li priġunieri oħra spiss jilmentaw dwar l-imġiba ta’ dan il-priġunier għaliex filwaqt li sfaċċatament hu jinqeda malli jiftaħ ħalqu, huma jridu jibqħu jittalbu għal bosta u bosta jiem, jekk mhux ġimgħat, biex forsi xi ħadd jismagħlhom il-karba tagħhom.
Argument komuni matul din il-ġimgħa bejn ċerti priġunieri – li mhux jitħallew jaqraw ir-rapporti li qed ikunu pubblikati fil-midja – hu li ma jistax ikun li Uffiċjali tal-Ħabs jibqgħu jiddiskriminaw bejniethom. Hemm priġunieri li għal ċerti nuqqasijiet ingħataw ċerti kastigi, iżda mbagħad ċerti priġunieri, għall-istess nuqqasijiet, ma ngħataw l-ebda kastig. Dan it-trattament b’diskriminazzjoni qed jurta ħafna lill-priġunieri u hemm min qiegħed isostni li kemm-il darba s-sitwazzjoni se tibqa’ teskala, allura min qiegħed jagħmel hekk qiegħed jistieden l-inkwiet.
//= $special ?>