Elezzjoni Kap PN Lokali

“Il-viżjoni tiegħi hi li pajjiżna jfassal pjan ta’ żvilupp mifrux fuq 50 sena” – Adrian Delia

“Se tkun kumpanija tal-awditjar rispettabbli Maltija li tagħmel ‘audit’ tal-qagħda finanzjarja tiegħu, u mhux sempliċi dikjarazzjoni magħmula minni”.

Iddikjara dan il-Kandidat għal Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, meta l-Ħadd filgħodu indirizza lill-Kunsilliera u tesserati fil-każin ta’ San Pawl il-Baħar.

Adrian Delia qal li dan l-audit indipendenti se jkun pubbliku malli jitlesta. Sostna li hemm interessi moħbija ta’ min irid jagħmel ħsara lill-Partit Nazzjonalista u lilu billi jipprova jwaqqfu qabel tibda t-tiġrija għall-ħatra ta’ Kap fit-2 ta’ Settembru.

“Il-mewġa favur mod ġdid fil-Partit Nazzjonalista qed tinkwieta lill-avversarji tagħna li qed jagħmlu minn kollox biex iġellduna,” sostna Adrian Delia waqt li qal li jrid jgħaqqad lill-Partit biex ikun forza li tiġġieled għall-ħaddiema u għan-nies kollha.

Mistoqsi jekk hux lest jaħdem ma kulħadd fil-PN jekk jiġi fdat bil-kariga ta’ Kap, Adrian Delia qal li l-partit għandu ħafna nies ta’ rieda tajba li kull ma jixtiequ hu li jinstemgħu u jitħallew jikkontribwixxu. “Malli tgħaddi l-elezzjoni, irridu ningħaqdu kollha wara Kap wieħed u naħdmu biex nirbħu l-elezzjoni,” qal Adrian Delia.

Meta tkellem dwar il-politika li jixtieq imexxi biha, Adrian Delia qal li hu jrid jimbotta politika ta’ persważjoni fejn Gvern u Oppożizzjoni jaħdmu favur in-nies mhux għal xi erba’ tal-qalba. “Il-viżjoni tiegħi hi li pajjiżna jfassal pjan ta’ żvilupp mifrux fuq ħamsin sena u naqblu fuqu mal-partijiet kollha biex inneħħu l-partiġjaniżmu minn dak li jgħaqqadna – il-ġid ta’ pajjiżna.

Waqt li innota kif pajjiżi ikbar irnexxielhom jagħmlu pjanijiet fit-tul, Adrian Delia fakkar li diġa ressaq xi proposti u hekk se jkompli jagħmel fil-jiem li ġejjin.