Hekk kif Awwissu huwa l-aktar xahar impenjattiv għall-ajruport, din is-sena, in-numru ta’ passiġġieri mistenni jilħaq il-quċċata tiegħu fis-17 tax-xahar. Dakinhar huwa mistenni li mit-terminal jgħaddu mas-26,000 passiġġier.
Filwaqt li t-terminal ser jara volum kbir ta’ passiġġieri, ir-runway mistennija tara ħafna movimenti tal- ajruplani. Fil-fatt, xejn anqas minn 167 tlugħ u nżul huma skedati għall-aktar jum impenjattiv tas-sajf fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Għaldaqstant il-konġestjoni tat-traffiku fiz-zona mistennija tkun waħda qawwija.
Grupp ta’ greeters, lebsin T-shirt magħmul apposta mid-disinjatur lokali Marco Parascandalo, ser ikunu qed iqassmu affarijiet żgħar tal-ikel u xarbiet kesħin madwar it-terminal lill-passiġġieri li ser ikunu qed jivvjaġġaw fil-jiem li ġejjin.
Jekk ser tgħaddi mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta f’dan il-perjodu ta’ vaganzi, l-MIA rrakkomandaw li ssegwi l-punti ta’ hawn taħt sabiex ikollok vjaġġ mill-aktar komdu.
Wieħed għandu jara li jasal fit-terminal sagħtejn qabel it-titjira skedata. Dan biex b’hekk ikollu biżżejjed ħin sabiex jipproċessa d-dokumenti tal-ivvjaġġjar u l-bagalji.
Idealment persuna għandha tibbukkja taxi bil-għan li twaqqafha eżatt quddiem it-terminal u b’hekk tkun biss minuta ’l bogħod mid-desks taċ-check-in. Barra minn hekk, tajjeb tkun taf li bħalissa għaddej proġett ta’ xogħlijiet fit-toroq ta’ madwar l-ajruport, li jista’ jxekkel il-fluss tat-traffiku f’ċerti ħinijiet.
Dan filwaqt jekk huwa possibli agħmel online check-in sabiex tevita li toqgħod tistenna fil-kju, u kun ċert li tipprintja l-pass tiegħek jew li jkollok kopja tiegħu fuq il-mowbajl. L-ajruport joffri wkoll għadd ta’ kjosks fejn tista’ tagħmel check-in int stess. Ara tistax tagħmel użu minn din il-faċilità hemmhekk.
//= $special ?>

