Elezzjoni Kap PN Lokali

“Jibqa’ jitħaddem pjan finanzjarju serju u dixxiplilnat” – Alex Perici Calascione

“Taht it-tmexxija tieghi bhala Kap tal-Partit Nazzjonalista, il-pjan finanzjarju ser jibqa’ jitħaddem b’mod mill-aktar responsabbli u dixxiplinat.”

Qal dan il-kandiadt għal Kap tal-PN Alex Perici Calascione.

Perici Calascione, li fl-aħħar snin serva bħala Teżorier tal-Partit Nazzjonalista, qal li bih bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista, jiġi mħaddem b’mod dixxiplinat u responsabbli l-pjan ta’ ristrutturar finanzjarju li nieda l-partit aktar minn sena ilu.

Alex Perici Calascione spjega li dan ser isir filwaqt li jiġu studjati mezzi ta’ riorganizzazzjoni u modernizzazzjoni ta’ proċeduri u proċessi kull fejn hemm bżonn, bl-użu massimu ta’ dak li toffri t-teknoloġija, partikolarment fil-qasam tal-ICT.

L-impenn ta’ Alex Perici Calascione għat-twettiq dixxiplinat tal-pjan finanzjarju huwa biss wieħed mill-impenji tiegħu biex il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jkun ‘Partit Rebbieħ’. Fil-jiem li għaddew hu tkellem dwar numru ta’ impenji oħra, fosthom l-impenn li jsaħħaħ numru ta’ uffiċċji ewlenin tal-Partit Nazzjonalista, bħall-Uffiċċju ELCOM u l-Uffiċċju Informazzjoni, apparti l-introduzzjoni ta’ Campaign Office u Kumitat Konsultattiv.

Fakkar li dan kollu jseħħ fl-istess waqt li l-Partit Nazzjonalista jerġa’ jkun il-partit tal-poplu, li jwettaq il-politika tiegħu wara li jkun sema’ u ddjaloga man-nies, u wara li din tiġi aġġornata biex tirrifletti r-realtajiet tas-soċjetà.