Hekk kif dalgħodu kompliet it-tfittxija għal-żewġ żgħażagħ mal-irdumijiet magħrufa bħala tal-Blata tal-Melħ, fil-limiti tal-Imtaħleb, il-Pulizija nfurmaw lil Net News li nstabu ż-żewġ roti tagħhom. Dan hekk kif omm wieħed minnhom sabet ir-roti moħbija f’għar fl-inħawi ta’ Fomm ir-Riħ.
Mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li ż-żewġ ġuvintur nieqsa, li huma Nick Johnson, Malti ta’ 19-il sena minn Birżebbuġa u Mark Petric,Serb ta’ 21 sena residenti Birkirkara, ħbew ir-roti fl-għar bil-għan li ħadd ma jeħodhomlom sakemm marru passiġġata sal-akwati tal-Blata tal-Melħ.
S’issa mhux qed jiġi eskluż li sabu ruħhom f’diffikultà kawża tar-riħ qawwi li ħakem lill-kosta Maltija matul il-jiem li għaddew. Iż-żgħażagħ iltaqgħu l-Ġimgħa waranofsinhar madanakollu wara li ma rritornawx lura d-dar filgħaxija sar rapport lill-Pulizija. Din il-kamra tal-aħbarijiet hija nfurmata li hekk kif bdiet it-tfittxija xi sajjieda sabu żewġ basktijiet li kienu tal-ġuvintur, fejn fihom instabu wkoll il-mowbajls tagħhom. Sadanittant it-tfittxijiet għaddejji kemm fuq l-art kif ukoll fil-baħar.
Dan kollu filwaqt li t-tfittxijiet għaż-żagħżugħ Franċiż residenti s-Swieqi għadhom għaddejjin ġmielhom hekk kif jinsab mitluf wara li qabeż il-baħar waqt ‘boat party’ minn fuq id-dgħajsa Fernandes qrib ix-xatt ta’ Ta’ Tas-Sliema l-Ġimgħa filgħaxija.
Kienu sitt Franċiżi li qabżu l-baħar, erba’ minnhom telgħu mix-Xatt li kien viċin, filwaqt li minnhom wieħed telgħa minn xatt ftit ‘il fuq.
Filwaqt li l-Forzi Armati ta’ Malta qed jgħinu fl-investigazzjonijiet, kemm permezz tal-baħar kif ukoll permezz tal-ajru bl-użu ta’ ħelikopter s’issa għad m’hemm l-ebda ħjiel wara aktar minn 24 siegħa ta’ tfittxija.
Sadanittant dalgħodu kompliet it-tfittxija għal Alfred Mifsud ta’ 58 sena.
Huwa deher l-aħħar biswit bar li jinsab fi Triq Għar Dalam, Birżebbuġa. Il-Pulizija spjegaw ma’ Net News li r-raġel jista’ jkun li qiegħed jagħmel użu minn vettura tat-tip Landrover Freelander gold.

Kull min għandu xi informazzjoni dwar Mifsud jew it-tlett persuni nieqsa l-oħra jista’ jgħaddiha lill-Pulizija, anki b’mod kunfidenzjali, billi jċempel fuq in-numri ġenerali tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija. Wieħed jista’ anke jgħaddi informazzjoni fi kwalunkwe` Għassa tal-Pulizija.
//= $special ?>