Futbol Sport

Klopp jemmen li s-sidien ta’ Liverpool mhux se jbiegħu lil Coutinho

Klopp jitkellem dwar is-sitwazzjoni ta' Coutinho

Jurgen Klopp jemmen li s-sidien ta’ Liverpool se jżommu sod u jirrifjutaw li jbiegħu lil Philippe Coutinho lil Barcelona, iżda ammetta li d-deċiżjoni mhix tiegħu.

Liverpool irrifjutaw rikjesta tal-Brażiljan biex jiġi trasferit, sigħat biss wara li s-sidien tal-klabb Fenway Sports Group ħarġu stqarrija li fiha mhux jinbiegħ. Rapporti fil-media Ingliża qed jgħidu li l-kollegi fit-tim jifhmu lil Coutinho għaliex irid jingħaqad ma’ wieħed mill-akbar klabbs fid-dinja.

Mistoqsi jekk ir-rikjesta bidlitx il-pożizzjoni tal-klabb, Klopp qal “tridu ssaqsu lill-klabb għaliex huma jridu jiddeċiedu imma naħseb li kienu ċari. Bħala manager tal-futbol għandi lil min jikkmandani, u jien irrid naċċetta d-deċiżjoni tagħhom.” Il-Ġermaniż kompla jgħid li hu responsabbli tal-plejers kollha u sostna li hu jaħdem bil-plejers li jkollu.

Fil-logħba tas-Sibt, Liverpool kellhom jirkupraw minn gowl kmieni ta’ Stefano Okaka u wara li ġabu d-draw fid-29 minuta minn Sadio Mane, Watford reġgħu marru minn fuq permezz ta’ Abdoulaye Doucoure.

Roberto Firmino ġab id-draw minn penalty fit-tieni taqsima u ftit minuti wara, id-debuttant Mohamed Salah skorja mill-viċin. Iżda meta dehru destinati għar-rebħa, Miguel Britos ġab id-draw lejn it-tmiem biex ta riżultat pożittiv lil Marco Silva fl-ewwel dehra bħala manager ta’ Watford.

Wara li sofrew żewġ gowls minn korners, Klopp qal li Liverpool se jippruvaw isolvu din il-problema, minkejja li identifika l-problema. “Huma ma ħolqux ħafna imma skorjaw żewġ gowls f’sitwazzjoni speċifiċi. Iddefendejna ħafna minnhom imma finalment sofrejna l-gowls u rridu naħdmu fuqhom,” qal il-Ġermaniż.

Klopp qal li għalihom hemm affarijiet oħra li huma importanti, fosthom l-aspett fiżiku, u l-mod kif jilagħbu.