Elezzjoni Kap PN Lokali

“Miegħi tafu fejn qegħdin” – Chris Said

“Qed inpoġġi l-karti kollha fuq il-mejda biex miegħi tkunu tafu fejn qegħdin u fejn irridu mmorru. Għalhekk qed inpoġġi lili nnifsi għall-iskrutinju tal-media u noħroġ bi proposti għal setturi differenti.”

Qal dan il-kandidat għal Kap tal-Partit Nazzjonalista Chris Said f’kummenti l-Ħadd filgħodu.

Dwar il-Partit Nazzjonalista, Chris Said qal li qed ikun ċar. “Il-każini mhux ħa jinbiegħu, iżda jintużaw biex fihom niltaqgħu, niddiskutu u nkunu viċin in-nies. Darba f’ġimgħa, kull ġimgħa, se naħdem minn lokalità differenti”.

Qal li l-kunsilliera tal-Kunsill Ġenerali jingħataw aktar sehem fit-tmexxija tal-Partit – u fi żmien sentejn, is-Segretarju Ġenerali jinħatar minnhom. Qal li tessera ‘refused’ mhux tiġi injorata imma naraw għaliex ġara hekk, waqt li żied li fejn hemm bżonn, immur hu bħala Kap tal-Partit għand min jirrifjuta t-tessera.

Tkellem ukoll dwar kif fil-media tal-Partit hemm bżonn aktar programmi politiċi u aktar opportunità biex iċemplu n-nies. Spjega li deċiżjonijiet ta’ natura etika u morali jittieħdu wara diskussjoni mal-Grupp Parlamentari u l-istrutturi kollha tal-Partit. Qal li hu favur ‘free vote’ kull fejn hemm bżonn.

“Dwar Simon Busuttil, irridu miegħi biex flimkien inkomplu l-ġlieda kontra l-korruzzjoni,” qal Chris Said waqt li tkellem dwar proposti oħra fuq livell nazzjonali. Fost dawn hemm appoġġ finanzjarju lin-nanniet li jieħdu ħsieb lin-neputijiet, ebda taxxa tad-dħul fuq il-pensjoni u mediċini b’xejn għal mard assoċjat mal-anzjanità.

Chris Said qal li l-ħaddiem Malti m’għandux jitpoġġa fi żvantaġġ ma’ dak mhux Malti u fil-qasam tas-sigurtà, għandu jkun hemm id-dritt li tgħix fil-lokalità tiegħek bla biża’ u dan b’infurzar serju u ġlieda kontra l-kriminali. Semma wkoll proposti marbuta mal-Kunsilli Lokali.

Chris Said temm jgħid li hu ktieb miftuħ u li hu determinat li jgħaqqad pajjiż, b’direzzjoni ċara: li l-Partit Nazzjonalista jiġġedded u jissaħħaħ biex jirbaħ bl-għajnuna ta’ kull min hu ġenwin u ta’ rieda tajba. “Dan bl-iskop li niġġieldu bla ħniena kull fejn jonqos il-Gvern ta’ Joseph Muscat,” temm jgħid Chris Said.