Lokali Qorti

Sirjan jiċħad akkużi ta’ stupru fuq tifla ta’ 12-il sena

Raġel Sirjan dalgħodu tressaq il-Qorti akkużat bi stupru ta’ tifla ta’ 12-il sena. Alhasan Ali, ta’ 29 sena li joqgħod f’Marsaskala, ċaħad l-akkużi miġjuba kontrih u qed jinsisti li qatt ma ltaqa’ mal-vittma.

L-allegata aggressjoni seħħet ilbieraħ f’Ħal Qormi.

Ali baqa’ jinsisti li qatt ma ltaqa’ mat-tifla u li l-uniku kuntatt li kien hemm kien permezz ta’ messaġġi online. L-akkużat issottometta ruħu għat-test tad-DNA u sostna li r-riżultati ta’ dan it-test se jagħtuh raġun.

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Grazio Mercieca, ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba r-riskju li seta’ jaħrab mill-pajjiż u se jinżamm arrestat fil-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi John Spiteri u Kylie Borg filwaqt li Alhasan Ali kien assistit mill-Avukat tal-Għajnuna Legali Josette Sultana.