Matul l-aħħar jiem kompliet tikber il-kriżi fis-settur tat-trasport pubbliku, b’diversi rotot li qed jinqabżu hekk kif tal-linja tibqa’ ma titfaċċax jew inkella tasal tard.
Jirriżulta li fl-aħħar ġimgħat il-kumpanija Autobuses de Leon esperjenzat eżodu ta’ xufiera, b’mod speċjali dawk Taljani, li wara li tħarrġu b’xejn f’pajjiżna telqu lura lejn l-Italja. Il-mument tkellem ma’ Taljani li jgħixu f’pajjiżna li spejgawlna kif il-kelma qed tixtered fl-Italja, dwar kif f’pajjiżna tista’ ġġib il-liċenzja fi ftit żmien meta fl-Italja trid ġimgħat ta’ taħriġ u tħallas bejn €1,200 u €1,500.
Il-kumpanija li tmexxi t-trasport pubbliku f’pajjiżna ilha snin tirriklama fl-Italja li qed tfittex ix-xufiera b’pagi attraenti u b’pakketti ta’ rilokazzjoni. Iżda dik li kellha tkun kampanja ta’ riklutaġġ minn pajjiż bi problema tax-xogħol, minflok qed tfisser biss iżjed spejjeż għall-Autobuses de Leon.
Fl-Italja jafu bil-kriżi ta’ nuqqas ta’ xufiera li teżisti f’pajjiżna, iżda minn dan ftit li xejn jitneressahom ħlief li jiġu hawn, jgħaddu minn taħriġ ta’ malajr frott in-nuqqas ta’ xufiera, u jirritornaw lura lejn pajjiżhom b’liċenzja li akkwistaw bix-xejn u li ttihom dritt jagħmlu dan ix-xogħol fl-Italja qrib il-familja.
Dan wassal biex fl-aħħar jiem kien hemm diversi episodji fejn il-kumpanija ma setgħetx issib min jibdel lil xufiera li ħarġu bis-sick u għalhekk xi rotot ma sarux għal xi ħin. Persuni li tkellmu magħna spjegaw kif l-ilmenti tagħhom intlaqgħu mir-risposta: “Kellna nwaqqfu rotot fejn rajna li fil-venda tal-Belt ma kienx hemm persuni jistennew.”
Il-problema ġejja wkoll minn nuqqas ta’ vetturi, minkejja li fl-aħħar jiem ġew introdotti sensiela ta’ karozzi tal-linja ġodda, b’mod speċjali f’żoni turistiċi. Fiż-żona fil-Furjana qrib fejn isiru t-testijiet għal-liċenzja tal-karozza, ta’ kuljum qed ikun hemm għexieren ta’ karozzi tal-linja bil-ħsara. Dan minbarra dawk li ma jidhrux, għaliex huma ggaraxxjati f’Ħal Luqa.
Din il-problema, li ilha tippersisti għal xhur tant li riċentament tnaqqset il-frekwenza tar-rotot bħal dawk li jieħdu lejn Tas-Sliema u San Ġiljan, qed tkompli tikber. Tant hu hekk li fl-aħħar jiem filfatt kellhom jintużaw vetturi uati għal Tallinja Direct fuq rotot komuni bħal dawk lejn ir-Rabat.
Il-kriżi fit-trasport pubbliku fl-aħħar sigħat wasslet ukoll biex il-Partit Demokratiku jitlob spjegazzjoni mill-Ministru responsabbli mit-trasport pubbliku, Ian Borg.
“It-trasport pubbliku f’pajjiżna jinsab f’sitwazzjoni mwegħra u hemm bżonn l-intervent immedjat tal-ministru. Il-Partit Demokratiku ġie avviċinat minn ħafna li spjegaw kif iridu jistennew għal perjodi twal fix-xemx qabel tasal tal-linja, bil-konsegwenza li jaslu tard għax-xogħol jew appuntament minħabba li t-trasport pubbliku f’pajjiżna mhux ta’ min joqgħod fuqu,” jingħad fi stqarrija tal-Partit Demokratiku.
Il-PD talab ukoll għal studju indipendenti biex isir magħruf jekk id-drittijiet tal-konsumatur hux jiġu mħarsa, speċjalment meta wieħed jiftakar li fl-2014 tħallas sussidju ta’ €29 miljun, fl-2015 tħallsu €23 miljun oħra u s-sena li għaddiet l-ispiża telgħet għal €27 miljun.
//= $special ?>