L-atleta Ġamajkan Usain Bolt temm il-karriera tiegħu bl-agħar mod possibbli meta weġġa’ fl-aħħar sprint tiegħu fil-4×100 metru relay tal-irġiel. Bolt irċieva l-baton bil-Ġamajka fit-tielet post iżda madwar nofs id-dritta finali, Bolt beda jżomm kuxxtejh ix-xellugija u eventwalment waqa’ mal-art.
Anki li kieku ma weġġax, kienet se tkun diffiċli għal Bolt biex jilħaq lil Nethaneel Mitchell-Blake tal-Gran Britannja u Christian Coleman tal-Istati Uniti.
L-erba’ atleti Britanniċi Chijindu Ujah, Adam Gemili, Daniel Talbot u Mitchell-Blake għamlu d-dawra f’37.47 sekonda biex rebħu t-tiġrija f’rekord nazzjonali u Ewropew. It-tim Amerikan mmexxi minn Justin Gatlin kiseb il-fidda, 0.05 ta’ sekonda wara l-Britanniċi, bil-Ġappun jiksbu l-midalja tal-bronż b’sorpriża.
Iżda l-attenzjoni prinċipali baqgħet fuq Bolt li temm il-karriera bl-aktar mod diżappuntanti wara li spiċċa t-tielet fil-100 metru u lanqas spiċċa l-aħħar tellieqa tiegħu. Ma’ tmiem it-tellueqa, l-atleta l-oħra Ġamajkani daru ma’ Bolt u għenuh iqum fuq saqajh, b’Usain Bolt isellem lill-partitarji.
Wieħed mill-atleti Britanniċi Daniel Talbot qal li l-mod kif kienu għaddejjin il-kampjonati tad-dinja, kienu viċin ħafna midalji fil-passat u sostna li ħadmu ħafna speċjalment il-fatt li l-kampjonati saru f’pajjiżhom, u tennew li setgħu jirbħu.
It-tabib tat-tim Ġamajkan spjega aktar tard li Bolt kellu jieqaf minħabba bugħawwieġ fil-hamstring. “Hu bugħawwieġ fil-hamstring tax-xellug iżda ħafna mill-uġiegħ hu minħabba d-diżappunt li tilef it-tiġrija. L-aħħar tliet ġimgħat kienu diffiċli għalih u nittamaw l-aħjar affarijiet għalih,” qal it-tabib Kevin Jones.
//= $special ?>