“Kien il-PN fil-Gvern li rriforma x-xandir f’Malta u fetaħ il-bibien għall-pluraliżmu effettiv f’dan il-qasam. Dan kien bla dubju pass importanti u kuraġġuż biex f’Malta ssaħħet id-demokrazija” – kliem il-kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar il-media tal-Partit Nazzjonalista.
Alex Perici Calascione stqarr li t-tmexxija ta’ ażjenda tal-Media ġġib magħha diversi obbligi fosthom dawk tal-bilanċ bejn l-aspetti politiċi, u ġurnalistiċi u dawk kummerċjali.
Kompla li Partit politiku għandu jippreżenta lill-pubbliku media bbilanċjata bi stejjer u ġurnaliżmu bbażat fuq il-fatti riċerkati. Media ta’ partit li jagħti spazju għall-opinjonijiet differenti u dibattitu miftuħ filwaqt li jitwassal ċar il-messaġġ tal-partit innifsu. Jeħtieġ li l-media tal-PN tkun forum ta’ dibattitu politiku; forum fejn jiltaqgħu l-ideat u opinjonijiet diversi; forum fejn verament tkun diskussa l-politika, u mhux dik partiġjana. Dibattitu li jibda fuq il-media tal-partit u jsib il-milja tiegħu fis-soċjetà; l-istess soċjetà li l-Partit Nazzjonalista jrid iservi.
Dan għandu jkun element fundamentali wkoll mill-aspett kummerċjali għaliex hu proprju b’dan il-mod li jiżdiedu l-udjenzi fuq il-media tal-Partit Nazzjonalista.
Matul dawn l-aħħar snin, minkejja anke l-isfidi finanzjarji li kellna naffaċċjaw, it-tmexxija tal-partit għarfet il-ħtieġa u l-importanza li jibqa’ jsir investiment fil-pjattaformi diversi tal-Media tagħna. Dan l-investiment huwa parti minn pjan ta’ investiment u mmodernizzar li nbeda matul din l-amministrazzjoni, u li jeħtieġ li jitkompla u jitwettaq.
B’żieda ma’ dan, Alex Perici Calascione qal li NET TV għandu jinvesti wkoll f’programmi ta’ ġurnaliżmu investigattiv kif ukoll fi programmi kulturali u storiċi. Nemmnu li ċertu produzzjonijiet li jippreżenta NET TV huma ta’ livell li jistgħu jixxandru anki fuq stazzjonijiet barranin u għalhekk jistgħu jagħtu reklam, iqajjmu interess u għaliex le, iħajjru investiment lejn pajjiżna.
Dan għandu jsir billi NET TV joħloq forma ta’ sħubija ma’ stazzjonijiet barranin biex b’hekk il-produzzjonijiet lokali ta’ kwalità u ta’ interess, partikolarment dawk ta’ natura storika u kulturali jkunu jistgħu jsibu swieq barra minn Malta.
Stqarr li investiment partikolari jrid isir fil-ġurnalisti tal-media tal-partit. Dawn huma ġurnalisti b’ħiliet kbar, li kapaċi jilħqu livell tassew għoli u li jwasslu l-messaġġ ġurnalistiku b’mod tassew tajjeb. Jeħtieġ li l-ġurnalisti jkunu kapaci jħaddmu l-aħħar għodda teknoloġika biex b’hekk l-aħbar tasal b’mod aktar immedjat.
Il-kandidat għall-Kap tal-PN qal li għandna nsegwu swieq ġodda u naraw fejn qed tevolvi l-attenzjoni tal-komunità. Investiment partikolari għandu jsir fis-sistemi ta’ telekomunikazzjoni bl-internet, partikolarment l-ismart phone. Hu fatt stabbilit li l-pubbliku qed jitbiegħed mill-media tradizzjonali u jagħżel media teknoloġika li twassal l-aħbar b’mod immedjat. Dan għandu jsir wara analżi dettaljata biex il-Partit Nazzjonlista jkabbar ir-rilevanza tiegħu fis-soċjetà u jwassal il-messaġġ bl-aktar mod effettiv.
Il-media tirrikjedi investiment kbir li mhux faċli jsir b’mod sostenibbli, iżda bla dubju li bi pjan tajjeb u maħsub, il-media tal-Partit Nazzjonalista għandha tkun fuq quddiem biex toffri l-aqwa servizz lill-pubbliku u lill-udjenzi. Permezz ta’ media organizzata u ffukata, il-Partit Nazzjonalista jkun f’pożizzjoni ferm aħjar li mhux biss iwassal il-messaġġ tiegħu, iżda jkun minn ta’ quddiem biex jifhem aħjar l-iżviluppi u t-trends li jkunu qed isiru fis-soċjetà.
Għalhekk il-pjan ta’ Alex Perici Calascione dwar l-aspetti tekniċi tal-Media tal-partit jitwieled minn għażla ċara favur il-kontinwazzjoni tat-twettiq tal-pjan ta’ investiment li beda jitwettaq taħt it-tmexxija ta’ Simon Busuttil u jissokta minn sforz partikolari (a) fuq il-kwalità tal-kontenut tal-programmi politiċi u ta’ diskussjoni; (b) fuq il-produzzjoni ta’ programmi investigattivi, kulturali u storiċi anke b’kollaborazzjoni ma’ media barranin u (ċ) fuq aċċent qawwi fuq il-media teknoloġika.
B’hekk biss nistgħu nwasslu l-messaġġ politiku tagħna bl-aktar mod effettiv u lil numru dejjem akbar ta’ nies. B’hekk biss nistgħu nirbħu l-kompetizzjoni, temm jgħid Alex Perici Calascione.
//= $special ?>