Internazzjonali

Il-Burkina Faso: Mejtin u midruba waqt attakk terroristiku fil-kapitali

 

Mietu tal-anqas 20 persuna waqt attakk terroristiku li laqat iċ-ċentru ta’ Ouagadougou, il-kapitali tal-Burkina Faso, bl-awtoritajiet fl-inħawi jikkonfermaw ukoll numru sostanzjali ta’ feruti.

Rapporti mill-kapitali qalu li tal-anqas żewġ aggressuri fetħu n-nar fuq in-nies li kienu bilqiegħda barra ristorant, bl-awtoritajiet jikkonfermaw li t-terroristi responsabbli, imbagħad, inqatlu kollha mill-qawwiet tas-sigurtà li wieġbu għat-theddida.

L-awtoritajiet fil-Burkina Faso ma jeskludux li t-terroristi kienu membri ta’ fergħa tal-moviment Al Qaeda, li hi attiva fiz-zona ta’ Sahel – reġjun li jinkludi l-Burkina Faso u l-Mali, fejn il-gruppi tal-militanti Iżlamiċi ilhom attivi mill-2012.

Intant, il-Ministeru għall-Komunikazzjonijiet f’Ouagadougou qal li l-qawwiet tas-sigurtà fil-kapitali kienu f’kontroll sħiħ tas-sitwazzjoni waqt li kienu qegħdin anki jinvestigaw numru ta’ binjiet fiz-zona.

Ir-ristorant li spiċċa attakkat iservi ikel Tork waqt li hu popolari ħafna mal-barranin fil-kapitali tal-Burkina Faso.

Ir-rapporti li bdew deħlin, intant, qalu li l-aggressuri kienu waslu fl-inħawi fuq il-muturi u fejn, f’daqqa waħda, bdew jisparaw bl-armi lejn min ġie ġie u b’mod indiskriminattiv.

Filwaqt li l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tat-Turkija ikkonferma li hemm tal-anqas Tork wieħed fost il-mejtin, rapporti oħra qalu li l-vittmi jinkludu wkoll raġel Franċiż.

Il-President ta’ Franza, Emmanuel Macron, ikkundanna dan l-attakk u kien beħsiebu jkollu taħditiet mal-Mexxej tal-Burkina Faso, Roch Marc Kabore, ‘biex huma jevalwaw flimkien is-sitwazzjoni’.