Kelliema għall-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) qalu li ’l fuq minn nofs miljun persuna fil-Jemen spiċċaw infettati bil-kolera mindu bdiet din l-epidemija, madwar erba’ xhur ilu.
L-istess kelliema qalu wkoll li mietu 1,975 persuna b’konsegwenza tal-marda.
Ir-rapport kompla li, kuljum, qed ifeġġu aktar minn 5,000 każi ġodda tal-kolera li jikkaġuna numru ta’ sintomi perikolużi fil-bniedem, inkluż dehydration. Din hi sitwazzjoni partikularment allarmanti f’pajjiż (il-Jemen) li s-sistema tas-saħħa tiegħu kkrollat wara ’il fuq minn sentejn ta’ gwerra.
Il-WHO qalet, fi stqarrija, li ‘l-ammont totali ta’ suspettati każi tal-kolera fil-Jemen, din is-sena, laħaq in-nofs miljun proprju fl-aħħar tal-ġimgħa — bi kważi 2,000 imutu mindu din il-marda bdiet tinfirex b’rata mgħaġġla, lejn l-aħħar ta’ April’.
Il-marda tal-kolera – li tinfirex mill-ikel jew l-ilma kontaminat – tista’ toqtol persuna fi kwistjoni ta’ sigħat jekk din il-persuna ma tingħatax it-trattament xieraq u immedjat. Il-kolera, intant, spiċċat fil-parti kbira eliminata fil-pajjiżi żviluppati li għandhom is-sistemi tas-sanità adekwati flimkien ma’ sistemi biex jitrattaw l-ilma.
Il-gwerra ċivili fil-Jemen ħalliet riperkussjonijiet devastanti għas-soċjetà u l-poplu, meta koalizzjoni militari taħt tmexxija mill-Arabja Sawdija qed tikkumbatti lill-grupp tar-ribelli Houthi, li qegħdin jingħataw appoġġ mill-Iran. Dan fost kollass ekonomiku fil-Jemen fejn, illum, hu diffiċli għall-aħħar biex wieħed jikkontrolla sitwazzjonijiet katastrofiċi bħall-kolera u ġuh fuq livell massiċċ.
//= $special ?>