B’reazzjoni għal storja u filmati li qegħdin iduru fil-midja soċjali u anke fuq il-portals tal-gazzetti, l-Uffiċċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali fi stqarrija saħaq l-importanza li dejjem inħarsu d-dinjità tal-persuna, f’kwalunkwe` każ u ċirkostanza.
Id-dettalji ta’ dan il-każ, li dar fuq il-media soċjali u li NET News għażel li ma jippublikax, għadhom m’humiex magħrufa, u l-Uffiċċju tal-Kummissarju għas-saħħa ma rċeva l-ebda informazzjoni uffiċjali.
Mill-filmati li xxandru fil-media soċjali u f’xi siti tal-aħbarijiet jidher li dawk li ntervjenew biex jagħtu l-ewwel għajnuna, imxew b’mod dinjituż, kif jitolbu każijiet delikati bħal dawn.
L-Uffiċċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali qal li d-dinjità għandha tinżamm f’kull mezz fejn tingħata l-informazzjoni, u għalhekk saħqu fuq l-importanza li filwaqt li l-midja għandha dmir u dritt tirrapporta ċertu stejjer, dan għandu dejjem isir bi ħsieb u b’dinjità, fejn jiġi evitat is-sensazzjonaliżmu żejjed, fl-aħjar interess tal-persuni kollha.
L-uffiċju appella wkoll lill-pubbliku ġenerali sabiex ma jarax dawn il-każijiet bħala sors ta’ divertiment irħis, iżda jqis iċ-ċirkostanzi kollha ta’ ċerta każijiet, speċjalment meta tara aħbar sensittiva bħal din fejn ħadd ma jista’ jkun jaf minn qabel xi jkun wassal għal dak li deher fil-midja.
Inħarsu d-dinjità tal-persuna – l-Uffiċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali
