Internazzjonali

Konferma li d-Deputat Prim Ministru Awstraljan għandu ċittadinanza doppja

Il-Gvern ta’ New Zealand ikkonferma li d-Deputat Prim Ministru tal-Awstralja, Barnaby Joyce, għandu ċ-ċittadinanza doppja. Dan hu sinifikanti peress li persuni b’ċittadinanza doppja mhumiex permessi biex jikkuntestaw għal kariga pubblika taħt il-Kostituzzjoni tal-Awstralja.

Joyce, aktar qabel, żvela li jista’ għandu ċ-ċittadinanza ta’ New Zealand ‘min-nisel’ iżda qal li hu se jressaq il-każ tiegħu quddiem l-Ogħla Qorti tal-pajjiż.

Il-każ jista’ jħalli riperkussjonijiet kbar politiċi, bil-Gvern tal-Prim Ministru Awstraljan, Malcolm Turnbull, jissogra li jitlef il-poter jekk jinstab li Barnaby Joyce hu ineliġibbli għal kariga pubblika.

L-Uffiċċju tal-Ministru ta’ New Zealand għall-Affarijiet Interni, Peter Dunne, ikkonferma lill-istampa Awstraljana li, taħt il-liġi ta’ New Zealand, tifel jew tifla li jitwieldu lil nazzjonali ta’ dak il-pajjiż jingħataw iċ-ċittadinanza b’mod awtomatiku.

Madankollu, Barnaby Joyce qal lill-Parlament li hu kkonsulta ma’ persuni partikulari filwaqt li ngħata parir legali fis-sens li hu mhux qed jikser ir-regoli.

L-indikazzjonijiet huma, fl-istess ħin, li Joyce  — li hu l-aħħar fost diversi politiċi Awstraljani li nqabdu fi skandli li jikkonċernaw iċ-ċittadinanza doppja — għandu jkompli fil-kariga ta’ Deputat Prim Ministru Awstraljan.