Internazzjonali

Londra: Il-Big Ben se jaqa’ sieket mill-ġimgħa d-dieħla

Mill-21 ta’ Awwissu mhux se jkompli d-daqq tal-qanpiena ‘Big Ben’ għall-ħin tan-nofsinar mill-famuż clock tower tal-Parlament Britanniku, f’Londra.

Fil-fatt, kelliema għall-House of  Commons tar-Renju Unit qalu li dan l-arloġġ se jaqa’ sieket għall-parti kbira mill-erba’ snin li ġejjin waqt li jsirulu xogħlijiet ta’ renovazzjoni.

L-imrietel li, għal dawn l-aħħar 157 sena, taw id-daqqa regolari lill-qanpiena partikolari, se jkunu skunnettjati mill-arloġġ, għalkemm it-tokki se jinstemgħu xorta f’avvenimenti importanti bħaċ-ċelebrazzjoni tal-Ewwel tas-Sena.

Kelliema involuti mal-proġett qalu li ‘il-programm essenzjali tax-xogħol għandu jissalvagwardja l-arloġġ storiku għat-tul taż-żmien minbarra li jippreserva l-bażi — f’dan il-każ l-Elizabeth Tower’.

Il-Palazz ta’ Westminster, maġenb ix-Xmara Thames, hu s-sede tal-Parlament Britanniku minbarra li sit għall-patrimonju dinji u attrazzjoni kbira għat-turisti. Intant, Steve Jaggs, il-persuna responsabbli mill-‘Big Ben’, qed jinkoraġġixxi lill-membri tal-pubbliku biex, nhar it-Tnejn, jinġabru fil-Pjazza tal-Parlament biex jisimgħu l-aħħar tokki tal-qanpiena.