Lokali

Mill-PBS imur imexxi l-aħbarijiet ta’ ONE

Il-kmamar tal-aħbarijiet tal-istazzjon nazzjonali, TVM u tal-media tal-Partit Laburista, ONE se jibqgħu jaħdmu ‘id f’id’ imexxu ‘l quddiem l-aġenda tal-Gvern u tal-klikka f’Kastilja hekk kif l-ex kelliem fil-Ministeru tal-Familja, Owen Galea rriżenja mill-pożizzjoni ta’ Junior Manager mal-PBS responsabbli mill-website u issa se jmur imexxi l-kamra tal-aħbarijiet tal-media tal-Partit Laburista.

Fl-2013 Owen Galea kien iddaħħal fil-kamra tal-aħbarijiet tal-PBS immexxija minn Reno Bugeja direttament minn mal-Gvern mingħajr ebda sejħa pubblika u proċess tal-għażla trasparenti. F’temp ta’ ftit ġimgħat huwa qabeż persuni ta’ esperjenza u nħatar junior manager b’pakkett finanzjarju qrib l-€40,000. Taħt it-tmexxija tiegħu l-website ta’ TVM saret sinonima ma’ stejjer sensazzjonali li ma jirriflettux il-linja editorjali ta’ stazzjon nazzjonali b’aktar stejjer favur il-Gvern, anti-klerikali u sesswali.

Sorsi qrib il-PBS qalulna li l-ingaġġ ta’ Owen Galea fil-PBS kien sar f’tentattiv iddisprat biex il-Gvern isaħħaħ il-propoganda tiegħu fil-media soċjali. Filfatt f’din it-taqsima ġdida fil-kamra tal-aħbarijiet iddaħlu ex ħaddiema tal-Partit Laburista jew persuni qrib tiegħu bħal Ritianne Agius, Rachel Baldacchino, Rodianne Caligari, Rachel Vella u Mark Attard. Dan tal-aħħar ġie trasferit fid-dipartiment tal-isport li b’erba’ ħaddiema full-time u l-manager li jagħmel ‘kollegamenti Laburisti’ Peter Cossai xogħlu hu li jipproduċi ħames minuti ta’ aħbarijiet sportivi kuljum u traduzzjoni ta’ stejjer internazzjonali għall-website.

L-istess sorsi spjegawlna li r-riżenja ta’ Owen Galea kienet instigata minn ħafna intriċċi u bsaten fir-roti minn wara dahru minn persuni qrib ħafna tal-PL li riedu jeliminawh bit-tama li jeħdulu postu. Filfatt fil-PBS diġà bdew jissemmew l-ismijiet ta’ Norma Saliba u Rodianne Caligari li jistgħu jibdew imexxu l-website ta’ TVM. Qed jingħad li f’każ li tinħatar Norma Saliba, din tkun forma ta’ konsolazzjoni wara li fl-aħħar jiem il-kuntratt ta’ Reno Bugeja li għandu pakkett finanzjarju ta’ madwar €65,000 ġie estiż b’sentejn. Is-Sur Bugeja għadu kif għalaq l-età tal-irtirar ta’ 62 sena u bosta osservaturi tal-media jinsabu ddisgustati kif fl-aħħar erba’ snin ħalla uffiċjali f’Kastilja idawru l-aħbarijiet ta’ TVM f’għodda ta’ propoganda għall-Gvern tant li llum l-aħbarijiet reġgħu saru ‘notice board’ tal-Gvern fuq stil ta’ pajjiż kommunista u kważi aktar sfaċċati mill-aħbarijiet tal-media tal-Partit Laburista.

Fl-aħħar jiem ġie rrappurtat li s-sena li għaddiet il-PBS spiċċat b’telf ta’ €1.2m u dan minkejja li tirċievi aktar minn €4m mill-Gvern. Dan hu fost l-oħrajn riżultat ta’ ingaġġ ta’ ħaddiema u promozzjonijiet bla rażan. Hu stmat li 97% tal-ħaddiema ġodda u l-promozzjonijiet ingħataw lill-persuni qrib il-PL li ġabu l-PBS f’sitwazzjoni fejn illum hemm ‘too many chiefs and not enough Indians’. Is-sorsi spjegawlna li l-aħħar promozzjoni ngħatat lil Ray Libreri, uffiċjal tal-GWU u qrib ħafna taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista li mingħajr sejħa jew proċess ta’ għażla nħatar manager tal-Arkivji li fih żewġ ħaddiema biss. Ftit jiem qabel, Frans Lia wkoll inħatar manager tal-programmi mingħajr ebda sejħa biex ħa post Reuben Zammit li ġie trasferit fit-taqsima tal-kontroll tal-kwalità tal-programmi minkejja li fl-aħħar snin kiseb riżultati tajbin ħafna fil-kariga li kien jokkupa.

“Persuna ohra li nghatat promozzjoni ‘sigrieta’ hi Ramona Mamo Degiovanni li hija l-assistenta personali ta’ John Bundy u li nhatret Junior Manager minghajr sejha ta’ xejn. Mar-rebha elettorali tal-PL fl-2013 it-tfajla ta’ Frans Lia kienet marret tahdem fil-Ministeru ta’ Konrad Mizzi imma malajr regghet lura l-PBS.

Is-sorsi spjegawlna li l-PBS sar xempju ta’ kif jaħdem il-Gvern li kuntrarju għan-narrattiva ‘tal-għaqda nazzjonali’ u li ‘tista’ ma taqbilx magħna imma tista’ taħdem magħna’, l-unika ħaġa li tgħodd hi li tkun qrib il-klikka f’Kastilja u taqdi lilha flok il-poplu Malti kollu kif għandu jkun xandir nazzjonali serju. Konferma ta’ dan hi l-għażla ta’ programmi għall-iskeda ta’ Ottubru li ġej bi produtturi u preżentaturi bħal Brian Hansford, Angela Agius u Jean Claude Micallef fost l-oħrajn.