Elezzjoni Kap PN Lokali

Politika ta’ verita’ b’kuxjenza nadifa

Fix-xhur li ġejjin il-Partit Nazzjonalista se jerġa jkun iffaċċat b’liġijiet fejn in-naħa tal-Gvern se tipprova taqbadna fuq sieq waħda u tifridna fuq kwestjonijiet ta’ natura etika u morali. “Il-Partit Nazzjonalista m’għandux jifga l-espressjoni tal-Membri Parlamentari bhalma qed jiġri fil-kamp Laburista fejn min ma jaqbilx mal-mexxej tagħhom ma jiftaħx ħalqu.”
 
Dan qalu Adrian Delia, kandidat għall-elezzjoni ta’ Kap tal-PN, f’messaġġ lill-kunsilliera u tesserati tal-Partit Nazzjonalista.
 
“Qiegħed nipproponi, li immedjatament wara l-elezzjoni għall-ħatra ta’ Kap u jekk niġi elett biex immexxi l-PN, il-Grupp Parlamentari, jekk hemm bżonn anke fl-ewwel laqgħa, jibda d-diskussjoni interna biex nidentifikaw liema huma dawk it-temi etiċi li fuqhom hemm qbil waqt li dwar dawk li m’hemmx niddikjaraw mill-ewwel li fuqhom se jingħata free-vote,” qal Adrian Delia.
 
Din m’hix kwestjoni li dwarha għandna nitkelmu biss meta niġu għal vot, bhalma ġara, imma irridu nżommuha fuq l-agenda tagħna għaliex se tiddistingwina mill-partit l-ieħor, qal Delia.
 
“Irridu ngħamlu politika ta’ verita fejn kulħadd jista jitkellem u jivvota b’kuxjenza nadifa,” sostna Adrian Delia. Hu tenna l-impenn tiegħu li jekk ikun Kap tal-PN jitlob lill-partiti l-oħra fil-Parlament biex isegwu l-eżempju tal-PN u jiddikjaraw bil-quddiem liema se jkunu l-liġijiet li fuqhom lesti jagħtu free vote.
 
“Dan biex inneħħu l-partiġjaniżmu minn temi sensittivi u kulħadd jivvota b’kuxejnza nadifa,” qal Adrian Delia. Hu spjega wkoll li din il-proposta qed tintlaqa tajjeb ferm kemm mill-Membri Parlamentari kif ukoll mill-Kunsilliera fil-laqgħat li qed ikollu bhala parti mill-kampanja elettorali għall-elezzjoni ta’ Kap.
 
“Sadattant, il-PN irid ikollu qafas li fih tinġabar ir-riċerka mill-esperti biex kwalunkwe pożizzjoni li jieħu l-partit tkun waħda xentifikament informata. Hu għal dan il-għan li nixtieq nara l-AZAD bhala ċentru ta’ ħsieb politiku veru fejn il-ħassieba ta’ żminijietna jingħataw il-liberta u l-fakulta li jipproponu ideat biex il-PN jixtarrhom, jiddiskutihom qabel ifassal il-politika tiegħu,” temm jgħid Adrian Delia.