Lokali

Rapport tad-Dipartiment tal-Istat Amerikan: Malta spiċċat sors għat-traffikar tan-nies

The Trafficking in Persons (TIP) Report is the U.S. Government's principle diplomatic tool to engage foreign governments on human trafficking. It represents an updated, global look at the nature and scope of trafficking in persons and the broad range of governement actions to confront and eliminate it.

Fir-rapport annwali fuq it-traffikar tal-persuni għas-sena 2016 maħruġ mill-Uffiċċju tad-Dipartiment tal-Istat Amerikan, jidher ċar li Malta għandha problema serja ta’ traffikar ta’ persuni u li l-Gvern Malti mhux qed jaħdem biżżejjed biex jiġġieled dan l-abbuż.

Dan ir-rapport jgħid li Malta mhux biss hija pajjiż li fih jaslu persuni li jkunu traffikati għas-sess jew għax-xogħol, imma hija wkoll “sors.” Dan ifisser li minn pajjiżna qed jiġu traffikati persuni lejn pajjiżi oħra.

Ir-rapport isemmi kif fost il-vittmi hemm nisa li jiġu traffikati għal skop ta’ sess u primarjament dawn ikunu ġejjin miċ-Ċina, mill-Ungerija, mill-Polonja, mir-Rumanija, mir-Russja u mill-Ukrajna. Id-Dipartiment tal-Istat Amerikan jirrapporta wkoll li kemm nisa kif ukoll tfal Maltin kienu suġġetti għal traffikar f’Malta stess għal skop ta’ sess.

Jingħad ukoll li barranin partikolarment dawk miċ-Ċina, mill-Indoneżija, mill-Filippini u mill-Vjetnam qed jispiċċaw vittmi ta’ xogħol sfurzat u bil-prekarjat. Nisa mix-Xlokk tal-Asja li jaħdmu fi djar privati, Ċiniżi li jaħdmu f’massage parlors, u nsa miċ-Ċentru u mil-Lvant tal-Ewropa li jaħdmu f’nightclubs qed jiħu sfruttati minħabba l-vulnerabbiltà tagħhom u jispiċċaw vittmi f’attivitajiet varji f’Malta.

Dwar l-immigranti jingħad li madwar 5,000 immigrant irregolari mill-Afrika li jinsabu Malta huma f’periklu li jiġu abbużati u sfruttati fl-oqsma tal-kostruzzjoni, l-ospotalità u f’xogħlijiet oħra privati.

Ir-rapport jikkonferma li f’Malta jsir traffikar “intern,” jiġifieri li l-persuni jinbiegħu f’pajjiżna stess biex jiġu sfruttati sesswalment.

F’analiżi xokkanti tas-sitwazzjoni ta’ pajjiżna, ir-rapport jgħid li, “il-Gvern ta’ Malta mhux qed jimxi mal-istandards minimi biex jiġi eleminat it-traffikar tal-persuni” u meta mqabbla mas-sena ta’ qabel, “il-Gvern investiga u ħa passi kontra numru iżgħar ta’ traffikanti, identifika inqas vittmi, investa inqas flus f’ħidma kontra t-traffikar u m’għamel ebda kampanja edukattiva fuq livell nazzjonali.”

Dawn l-aspetti kollha jerġgħu jitniżżlu fir-rakkomandazzjonijiet li jagħmel ir-rapport lill-Gvern Malti. Ma’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet, ir-rapport iħeġġeġ lill-Gvern biex jidentifika nisa li huma vittmi ta’ traffikar ta’ persuni u li jaħdmu fil-prostituzzjoni, kif ukoll tfal li huma vittmi tas-sess ikkumerċjalizzat.

Aspett ieħor li r-rapport jindika li mhux qed issir ħidma biżżejjed fuqu mill-Gvern Malti, huwa dak tal-prosekuzzjoni, jiġifieri l-ħidma tal-pulizija f’dan il-qasam tant sensittiv.

Ir-rapport jgħid li f’Malta kien hemm tnaqqis ta’ ħidma li wassal biex inqas persuni tressqu l-qorti mill-pulizija. F’pajjiżna, skont l-Artiklu tal-Kodiċi Kriminali 248A-G, it-traffikar tal-persuni huwa illegali u miegħu jorbot piena ta’ bejn erba’ snin u 12-il sena ħabs.

Fl-2016 jidher li f’Malta kien hemm biss żewġ investigazzjonijiet u saret prosekuzzjoni fuq żewġ każi. Dan huwa tnaqqis fuq is-sena ta’ qabel meta kienu nfetħu ħames investigazzjonijiet u tressqu għall-prosekuzzjoni seba’ każijiet.

Il-ħidma biex il-Gvern Malti jipproteġi jew joffri għajnuna lill-vittmi tat-traffikar tal-persuni tfissret f’dan ir-rapport bħala “modesta.” Dan ma jawgurax tajjeb, speċjalment fil-kuntest ta’ dak li jgħid l-eks-Segretarju tal-Istat Amerikan John F. Kerry fl-introduzzjoni tiegħu għal dan ir-rapport. Kerry jikkundanna t-tolleranza lejn l-abbuż u jgħid li ma nistgħux nagħlqu għajnejna għal din ir-realtà kiefra.

“Minflok, irridu nistaqsu lilna nfusna – “min jaf kieku dik il-vittma tat-traffikar hija t-tifla tiegħi, jew ibni, oħti, jew hija?”

il-mument talbet kumment mingħand id-Deputat Speaker u Membru Parlamentari Nazzjonalista Claudette Buttigieg, li f’dawn l-aħħar ġranet hi wkoll semmgħet leħinha fuq il-midja soċjali biex tikkundanna l-abbuż tat-traffikar tal-persuni.

“Inħoss diqa kbira meta nisma’ kummenti mingħand nies li mhumiex infurmati fuq x’qed jiġri verament f’pajjiżna u madwar id-dinja. Jaħsbu li min jaħdem fil-prostituzzjoni qed jagħmel dan b’għażla libera. Bħal dak li qallu, din hija xi karriera li kull mara taspira għaliha. Il-maġġoranza assoluta tal-prostituti huma vittmi taċ-ċirkostanzi ta’ ħajjithom u numru kbir minnhom huma vittmi ta’ traffikar tal-persuni.

Meta Joseph Muscat jibki dmugħ tal-kukkudrilli u jgħid li jiddispjaċih għal dawn il-vittmi, nippretendi li hu jagħmel xi ħaġa konkreta biex jiddefendihom. Minflok, hu u sieħbu Konrad Mizzi jaqbżu għal min jisfrutta lil dawn il-vittmi u jagħmel il-flus minn fuqhom.”