L-istilla Portugiża ta’ Real Madrid Cristiano Ronaldo jista’ jeħel bejn erba’ u 12-il logħba fil-kampjonat, meta mbotta lir-referee wara t-tkeċċija fil-logħba tal-bieraħ kontra Barcelona, logħba valida mis-Super Cup Spanjola.
Ronaldo ntwera l-karta safra minħabba ċ-ċelebrazzjonijiet wara l-gowl tal-vantaġġ fit-80 minuta, hekk kif Real Madrid rebħu l-ewwel leg 3-1 fl-ewwel logħba uffiċjali fl-istaġun Spanjol.
Ftit wara, l-attakkant kien muri t-tieni karta safra għal simulazzjoni, u r-reazzjoni tiegħu kienet li mbotta ftit lir-referee Ricardo de Burgos Bengoetxea, li nkluda dan l-inċident fir-rapport tiegħu.
“Meta ġiet murija l-karta l-ħamra, il-plejer imbottani ftit b’sinjal li ma qabilx,” qal ir-referee fir-rapport. Artiklu 96 fir-regolamenti tal-kampjonat Spanjol jgħid li din l-imġieba jista’ jkollha sospensjoni bejn erba’ u 12-il logħba.
F’April li għadda, il-plejer ta’ Las Palmas Marko Livaja għamel offiża simili u rċieva sospensjoni ta’ ħames logħbiet, waħda tal-inċident li wassal għat-tkeċċija u erba’ logħbiet talli mbotta lir-referee.
Ronaldo se jkun sospiż fit-tieni leg tas-Super Cup Spanjola minħabba t-tkeċċija, iżda jekk isseħħ is-sospensjoni addizzjonali, jista’ jitlef l-ewwel erba’ logħbiet tal-kampjonat kontra Deportivo La Coruna, Valencia, Levante u Real Sociedad.
Jekk l-uffiċjali Spanjoli jieħdu l-aktar linja iebsa possibbli, jista’ jitlef l-ewwel terz tal-kampjonat u jfisser li jitlef il-logħob tal-kampjonat sal-logħba kontra Malaga fis-26 ta’ Novembru.
//= $special ?>