L-awtoritajiet fi Sierra Leone jaħsbu li mietu numru kbir ta’ nies li ntradmu taħt valanga ta’ tajn qrib il-kapitali, Freetown.
Dan meta ċediet parti minn għolja, wara inżul ta’ xita qawwija, bir-riżultat li diversi djar spiċċaw koperti mit-tajn.
Ingħad li fil-ħin tal-kroll, fiz-zona ta’ Regent, in-nies kienu reqdin fid-djar u l-awtoritajiet, issa, qegħdin jikkalkulaw l-ammont tal-vittmi.
L-ogħla tmexxija fi Sierra Leone ma eskludietx li setgħu tilfu ħajjithom mijiet ta’ persuni fil-valanga. Dan waqt li s-servizzi għall-emerġenzi kienu qed jippruvaw isibu lill-mejtin filwaqt li jsalvaw lin-nies mid-djar mgħarrqin.
Ir-rapporti dwar il-vittmi potenzjali baqgħu konfliġġenti, b’sorsi jirreferu għal ‘mill-anqas 180 mejtin’, u bl-awtoritajiet jirkurpraw kwantità kbira ta’ katavri.
Fl-istess ħin, kelliema qrib l-Assoċjazzjoni tas-Salib l-Aħmar infurmaw lis-servizzi tal-aħbarijiet li ċ-ċifra tal-mejtin minn għargħar fil-kapitali ‘kienet telgħet għal 312.’
Mistenni li mijiet se jispiċċaw mingħajr saqaf fuq rashom b’kaġun tal-valanga, b’ħafna nies qegħdin iduru mal-inħawi affettwati biex jgħinu fit-tfittxija ddisprata għan-neqsin.
//= $special ?>