Cristiano Ronaldo ingħata sospensjoni ta’ ħames logħbiet li jfisser li l-istilla ta’ Real Madrid se jitlef it-tieni leg tas-Super Cup Spanjola kontra Barcelona u l-ewwel erba’ logħbiet tal-kampjonat Spanjol La Liga.
Ronaldo tkeċċa fl-ewwel leg, fir-rebħa ta’ 3-1 fuq Barcelona lbieraħ filgħaxija wara li rċieva t-tieni karta safra għal simulazzjoni. Hu rreaġixxa billi mbotta ftit lir-referee Ricardo de Burgos Bengoetxea li nkluda l-inċident fir-rapport.
Ir-referee kiteb “Meta ġiet murija l-karta l-ħamra, il-plejer imbottani ftit b’sinjal li ma qabilx.” Artiklu 96 fir-regolamenti tal-kampjonat Spanjol jgħid li din l-imġieba jista’ jkollha sospensjoni bejn erba’ u 12-il logħba.
Għaldaqstant, is-sospensjoni ta’ Ronaldo kienet l-anqas possibbli u minbarra l-logħba tat-tieni leg tas-Super Cup, se jitlef l-ewwel erba’ logħbiet tal-kampjonat kontra Deportivo La Coruna, Valencia, Levante u Real Sociedad.
//= $special ?>