Lokali

Appell għall-għoti tad-demm f’ġimgħa karatterizzata minn vaganzi u inċidenti

Ritratt: Arkivji

F’ġimgħa kkaratterizzata minn vaganzi b’rabta mal-festa ta’ Santa Marija, is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm appella għall-għoti tad-demm.

Fi stqarrija, il-Bank tad-Demm fakkar li llum, minkejja li hi festa, iċ-ċentru f’Gwardamangia se jibqa’ miftuħ sas-sitta ta’ filgħaxija.

Il-Bank tad-Demm qal li dawk li għandhom siegħa ta’ ħin ħieles huma mistiedna jersqu biex jagħtu d-demm b’solidarjetà ma’ dawk li fl-aħħar jiem kienu involuti f’xi inċident tat-traffiku u qed jiġu rikoverati fl-isptarijiet Maltin.

Fl-istess stqarrija, il-Bank tad-Demm appella għal ħafna iktar prudenza fis-sewqan għax in-negliġenza, apparti li ġġib riskju kbir għal ħajjet in-nies, tħarbat ukoll ir-riserva tad-demm.

Il-Bank tad-Demm fakkar li kull min imur jagħti d-demm għandu jieħu miegħu il-karta tal-identità, jew il-liċenzja tas-sewqan, jew passaport Malti.