Lokali Qorti

Faqgħalha l-milsa u spiċċat fl-ITU għax ma laħqitx sajjritlu l-ikel – akkużat b’attentat ta’ qtil

l-argument kien jaf il-bidu tiegħu il-Ġimgħa filgħaxija wara li l-mara, li kienet ma tiflaħx, kienet qed tieħu ħsieb l-annimali fir-razzett iżda ma laħqitx sajjret l-ikel għal żewġha li kien sejjer xogħol ta' bil-lejl.

Raġel ta’ 32 sena mill-Imġarr dalgħodu tressaq il-Qorti akkużat b’attentat ta’ qtil ta’ martu.

L-allegat każ seħħ il-Ħadd filgħaxija għall-ħabta tad-9p.m. f’razzett fil-limiti ta’ Ħad-Dingli f’dak li jidher li kien argument ta’ natura domestika li eskala.

L-Ispettur Elliot Magro  għall-akkużat spjega li ħu l-akkużat ġie fl-għassa tar-Rabat għall-10p.m. u qal li hemm persuna li hi muġugħa tistenna fil-karozza u li tixtieq tagħmel rapport. Il-vittma irrapportat li qalet daqqa ta’ ponn f’widnejha, u daqqiet ta’ sieq fl-istonku. L-Ispettur Magro qal li  l-argument kien jaf il-bidu tiegħu il-Ġimgħa filgħaxija wara li l-mara, li kienet ma tiflaħx, kienet qed tieħu ħsieb l-annimali fir-razzett iżda ma laħqitx sajjret l-ikel għal żewġha li kien sejjer xogħol ta’ bil-lejl.

L-argumenti komplew jeskalaw sakemm seħħet l-allegata aggressjoni tal-Ħadd filgħaxija. Hi marret fil-poliklinika biex tiddewwa u minn hemmhekk intbagħtet b’urġenza fl-Isptar Mater Dei fejn instab li kellha l-milsa mifqugħa minħabba d-daqqa ta’ sieq li qalgħet.

L-Ispettur Magro xehed li  l-mara kellha ssirilha operazzjoni b’urġenza u għamlet madwar seba’ siegħat fil-periklu tal-mewt u qal li għadha rikoverata fit-Taqsima tal-Kura Intensiva tal-Isptar Mater Dei.

Il-Pulizija xliet lir-raġel li, bil-ħsieb li joqtol jew li jpoġġi l-ħajja tagħha f’periklu ċar, taha daqqiet ta’ sieq f’partijiet vitali tal-ġisem tal-vittma, liema delitt ma ġiex eżegwit minħabba xi ħaġa aċċidentali u indipendenti mill-volonta’ tiegħu.

Hu kien akkużat ukoll li kkaġuna ġrieħi gravi kif ukoll sfreġju u li fil-ġranet ta’ qabel inġurja u hedded lil tant li kkaġunalha biża’ li se ssir vjolenza fuqha. Il-Pulizija għamlet talba għal ordni ta’ protezzjoni.

Ir-raġel wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.

Isem ir-raġel mhux qed jixxandar fuq ordni tal-Qorti li laqgħet it-talba tad-difiża minħabba li l-koppja għadhom miżżewġin u għandhom erbat itfal li l-etajiet tagħhom ivarjaw minn 8 snin sa sitt xhur.

Id-Difiża talbet il-ħelsien mill-arrest u ddikjarat li l-akkużat jest joqgħod għal kwalunkwe ordni tal-Qorti u li ma joqgħodx fid-dar matrimonjali. Fakkret li l-akkużat għandu d-dritt tal-preżunzjoni tal-innoċenza. Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba n-natura tal-offiża – attentat ta’ qtil u ġrieħi gravi – u  intralċ tal-provi.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Monica Vella ċaħdet it-talba għal liberta’ proviżorja minħabba ċ-ċirkostanzi tal-każ u minbarra li ma kienx l-ewwel każ ta’ vjolenza domestika. Hi ħeġġet lill-Prosekuzzjoni biex tressaq ix-xhieda tagħha mill-iktar fis possibbli.

Il-Qorti ħatret ukoll lill-espert mediku it-Tabib Mario Scerri sabiex jeżamina in-natura tal-ġrieħi li sofriet il-vittma.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Elliot Magro filwaqt li l-Avukat Kathleen Grima dehret għall-akkużat.