Kif issa dħalna fl-aħħar nofs tal-kampanja elettorali għal ħatra ta’ kap tal-Partit Nazzjonalista, il-kandidat Chris Said kellu kliem ta’ ringrazzjament għas-sehem li l-kunsilliera u attivisti tal-partit qed jagħtu f’din il-kampanja.
“Ta’ kuljum qed niltaqa’ ma’ mijiet ta’ attivisti tal-partit li qed jistennew b’ħerqa s-17 ta’ Settembru biex nibdew, flimkien, insaħħu lil dan il-partit. Konvinti li flimkien se naslu,” qal Chris Said.
Said spjega li bħal f’kull proċess ieħor ta’ għażla huwa normali li kandidati jiddistingwu lilhom infushom bi stili u proposti partikolari u dan hu li jagħmel l-għażla waħda importanti. “Jien qed nibbaża l-kampanja tiegħi fuq dak li hu ġa magħruf – l-esperjenza tiegħi ta’ 30 sena f’kull livell politiku, minn kunsillier sa Sindku, minn membru ta’ fergħa sa Segretarju Ġenerali tal-Partit, minn Segretarju Parlamentari sa Ministru u Shadow Minister. Qed nibbaża l-kandidatura tiegħi fuq ir-riżultati li ksibt kull meta ngħatajt rwol ta’ responsabbilta u t-trasparenza sħiħa li dejjem ħdimt biha.” Said żied li qed joħroġ bi proposti strutturati sabiex mill-għada tal-elezzjoni, il-partit jitlaq’ f’direzzjoni ċara, b’miri stabbiliti li jrid jilħaq, fosthom dik li fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali fl-2019 il-Partit Nazzjonalista jnaqqas b’mod kosiderevoli d-distakk minn mal-Partit Laburista. “Mhux biss – jeħtieġ li sa dakinhar – il-Partit Nazzjonalista jkun irristrututra l-mod kif jaħdem fil-lokalitajiet, saħħaħ il-kumitat sezzjonali, daħħal mill-ġdid is-sistema ta’ street leaders, waqqaf think tank li jforni lill-partit b’analiżi kontinwa u saħħaħ il-media tal-partit biex tkun mill-aktar effettiva matul is-sena kollha.”
Said kellu kliem ta’ apprezzament għal dawk li ngħaqdu fil-kampanja tiegħu għaliex jemmnu li l-pajjiż għandu bżonn oppożizzjoni b’saħħitha u lesta biex tiggverna. Fl-aħħar jiem dawn inkludew, fost l-oħrajn, lil Dr Peter Agius, li kien imexxi l-Uffiċcju tal-Parlament Ewropew f’Malta, lil Kevin Bonello, l-eks President tal-Malta Union of Teachers u lista twila ta’ politiċi, fosthom id-deputati Edwin Vasssallo, Jason Azzopardi, David Stellini, l-Ewro Parlamentari David Casa u s-Sindku tal-belt Valletta Alexei Dingli.
“It-triq ’il quddiem li qed nipproponi qed timla’ lill-attivisti tagħna b’entużjażmu ġdida għax fiha se jkun hemm rwol għal kull min hu ġenwin u għal kull min iġib l-interessi tal-partit u tal-pajjiż qabel kull interess ieħor.” Said żied li fil-jiem li ġejjin se jkun qed ikompli joħroġ b’aktar proposti, wara dawk li ġa ħabbar dwar l-ekonomija, l-anzjani, il-Kunsilli Lokali u l-familja
//= $special ?>