Internazzjonali

Ħtieġa urġenti għall-għajnuna wara l-valangi fi Sierra Leone

L-iskwadri għall-emerġenzi fi Freetown komplew bit-tfittxija ddisprata għan-nies li setgħu għexu mill-valangi tat-tajn u l-għargħar li, fil-bidu tal-ġimgħa, laqtu lill-kapitali ta’ Sierra Leone.

Fit-traġedja mietu  ‘il fuq minn 300 u l-President ta’ Sierra Leone, Ernest Bai Koroma, ħareġ appell urġenti għall-appoġġ, meta eluf ta’ nies qed ibatu l-konsegwenzi mill-gliegel tat-tajn u l-għargħar kbir fil-kapitali. Koroma qal li nqerdu komunitajiet sħaħ fil-valangi u li l-awtoritajiet ‘bil-kemm jistgħu jlaħħqu mal-istat tal-emerġenza’.

Ir-residenzi fi Freetown spiċċaw koperti minn ‘baħar ta’ tajn’ wara li ċediet parti minn muntanja bl-isem Sugar Loaf, b’kaġun tal-ħalbiet kbar tax-xita.

L-awtoritajiet qed jikkalkulaw li 3,000 persuna tilfu d-djar fid-diżastru, bin-nies intervistati fi Freetown jgħidu li ‘il-kliem ma jibdiex biex jiddeskrivi l-iskala tat-traġedja’.

L-agħar zona milquta hi d-distrett ta’ Regent fejn għexieren ta’ djar spiċċaw mgħarrqin taħt it-tajn, ftit wara li tqaċċtet il-parti mill-muntanja.

Fl-istess ħin, ir-residenti fi Freetown qed jittamaw li jinstabu aktar ħajjin fl-inħawi milquta.