Lokali

Il-Kunsillieri Laburisti tal-Munxar għandhom jirrispondu għal għemilhom

Il-Kunsill tal-Munxar iltaqa’ b’urġenza hekk kif l-impjant tar-riċiklaġġ tad-demel tal-bhejjem f’Għawdex se jibda jopera għada f’din il-lokalità.

Minkejja insistenza qawwija mill-Kunsilliera Nazzjonalisti biex il-Kunsill tal-Munxar jitlob lill-Qorti toħroġ mandat ta’ inibizzjoni fuq dan l-impjant il-ġdid (magħrufa wkoll bħala demmiela) fil-Munxar (limiti Ta’ Sannat), il-Kunsill b’maġġoranza Laburista m’għamilx dan.

“Is-Sindku Laburista tal-Munxar għanda tispjega lill-pubbliku għaliex qed tinsisti li dan il-mandat ma jsirx. Dan il-mandat hemm bżonnu b’mod urġenti biex id-demmiela ma tibdiex topera għada, s-16 t’Awwissu, kif diġà  skedata li tagħmel. Din id-demmiela se tibda topera mingħajr ebda permess u qatt ma saret valutazzjoni tal-impatt ambjentali fuqu,” qal il-kelliem tal-Partit Nazzjonalista għal Għawdex Chris Said.

“Għalkemm il-Partit Nazzjonalista mhux kontra l-prinċipju li l-bdiewa tal-irziezet jiġu provduti b’impjant tat-trattament tal-iskart tal-annimali, huwa kontra il-lokazzjoni ta’ din id-demmiela f’dak il-post speċifiku fil-Munxar peress illi fejn qed tiġi proposta huwa viċin bini residenzjali u għalhekk se tħalli impatt negattiv fuq ir-residenti tal-Munxar u Ta’ Sannat. Għalkemm il-Partit Nazzjonalista jemmen li hemm bżonn ta’ demmiela biex taqdi l-bżonnijiet tal-bdiewa tal-irziezet, għandu jinstabilha post alternattiv f’Għawdex ‘il bogħod mill-abitat. Ir-residenti tal-Munxar u ta’ Ta’ Sannat għandhom raġun jopponu bis-saħħa l-lokazzjoni ta’ din id-demmiela u l-Kunsilliera Laburisti tal-Munxar għandhom jerfgħu r-responsabilità jekk din id-demmiela tibda topera minn għada,” qal id-deputat David Stellini.

Il-Kelliem għall-Biedja u s-Sajd Toni Bezzina qal “Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li l-Gvern għandu jilħaq ftehim fit-tul mal-bdiewa tal-irziezet dwar it-trattament tal-iskart tal-annimali billi dan jiġi trasformat f’riżorsi alternattivi bħal fertilizzant organiku u enerġija rinnovabli u b’hekk jinħoloq sors ieħor ta’ dħul għall-bdiewa tagħna.” Dawn il-proposti kienu diġà ġew ppreżentatti fil-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista għal Għawdex matul l-kampanja tal-elezzjoni li għaddiet.