Lokali

Inkwiet dwar żieda fl-użu tal-‘flakka’ – droga li ġġibek qisek zombie

Hekk kif il-filmat ta’ mara għarwiena f’Paceville qanqal reazzjonijiet u diskussjoni qawwija fil-pajjiż, tkompli l-ispekulazzjoni ta’ x’seta’ wassal għal dan l-inċident.

NET News għażel li ma jippubblikax il-filmat, u dettalji ta’ dan il-każ għadhom mhux magħrufa. Madanakollu, fuq il-media soċjali kompliet id-diskussjonijiet dwar il-filmat u l-kontenut tiegħu.

Filwaqt li ħafna kkritikaw lill-mara għax qalu li ġabet ruħha hekk minħabba konsum eċċessiv ta’ alkoħol u qżież, oħrajn empatizzaw mal-mara, u qalu li l-imġieba tagħha tista’ tkun riżultat ta’ abbuż, jew effett ta’ droga, u li għaldaqstant, teħtieġ l-għajnuna u d-dinjità biex tirkupra, u mhux min jiġġudikaha.

Fil-filmat, il-mara tidher tirvilla u ġġib ruħha b’mod li jixbaħ ħafna s-sintomi ta’ droga popolari u rħisa magħrufa bħala ‘flakka’, droga rħisa imma li ġġib lil min joħodha jġib ruħu qisu zombie.

Id-droga flakka tkun qisha żrar abjad, u hija meqjusa bħala droga li għandha l-potenzjal li tkun ferm aktar perikoluża minn drogi oħra, fosthom mill-kokaina.

Il-flakka tnissel f’min joħodha delirju kbir akkumpanjat minn imġieba ewforika u vjolenti. Wieħed mill-effetti tagħha hija li tagħti lil min joħodha saħħa barranija.

Filfatt, fix-xhur li għaddew, feġġew numru ta’ stejjer fil-media internazzjonali u filmati ta’ persuni li ħadu din id-droga u li l-imġieba tagħhom qanqlet kurżità kbira minħabba l-mod kif jibdew iġibu ruħhom.

Din id-droga taffettwa diversi partijiet tal-ġisem, iżda partikolarment lill-moħħ u l-ħsara tista’ tkun permamenti.

Dwar il-filmat tal-mara f’Paceville, tkellem il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali, li qal li dawn il-każijiet m’għandhomx ikunu sors ta’ divertiment irħis, għax wieħed għandu jqis iċ-ċirkostanzi kollha fejn id-dinjità tal-persuna għandha tkun imħarsa f’kwalunkwe każ.