Il-politika tal-Partit Nazzjonalista għandha tkun iffukata fuq il-bniedem; fuq l-aspirazzjonijiet, ix-xewqat u anke fuq l-istess ħolm tal-Maltin u l-Għawdxin … fuq ir-realtajiet tal-lum. Qal dan il-kandidat għal Kap tal-PN Alex Perici Calascione. Hu qal li l-Partit Nazzjonalista għandu jkun mal-poplu b’laqgħat kontinwi mas-socjetà ċivili u mal-attivisti tiegħu bl-iskop li jisma’ kontinwament dak li qed jgħid il-poplu u jiddjaloga miegħu.
Wiegħed li hu lest li jkompli jsaħħaħ il-Kuntatt PN u jingħata l-għodda kollha meħtiega biex tgħin lin-nies li jirrikorru għand il-partit fis-sitwazzjonijiet partikolari li jkunu qed jiffaċaw. Dan għandu jissaħħaħ u jsir dipartiment komplut fi ħdan il-partit b’nies imħarrġa u bl-għodda meħtieġa, biex din l-inizzjattiva tkun tista’ tinfirex mal-Kumitati Sezzjonali kollha.
Perici Calascione qal li Partit Rebbieħ jinbena fuq u madwar in-nies. Il-Partit Nazzjonalista kien u ser jerġa’ jkun il-partit tan-nies. Partit magħqud għal għan wieħed – il-ġid tiegħek u l-ġid tal-pajjiz.
B’Partit Nazzjonalista Rebbieħ, tirbaħ int u jirbħu Malta u Għawdex kollha, temm jgħid Alex Perici Calascione.
//= $special ?>