Internazzjonali

Kim Jong-un jippreferi jistenna għal azzjoni kontra Guam

 

Il-President tal-Korea ta’ Fuq komunista, Kim Jong-un, irreveda pjani għall-isparar ta’ missili lejn it-territorju Amerikan ta’ Guam, fil-Paċifiku, iżda r-rapporti qalu li ‘hu, għalissa, beħsiebu jżomm lura minn azzjoni’.

Il-Korea ta’ Fuq sostniet li Kim, minkejja li ‘lest biex jibda l-burraxka fuq Guam’, qed jippreferi li jara l-passi li jmiss min-naħa tal-Amerikani qabel jieħu xi deċiżjoni.

It-theddida mir-reġim ta’ Pyongyang kontra Guam żdiedet f’dawn il-jiem u wara ġranet ta’ diskors u kummenti jaħarqu u provokattivi min-naħa tal-Korea ta’ Fuq u l-Istati Uniti.

Filwaqt li l-‘gwerra bil-kliem’ bejn Washington u Pyongyang qed tallarma bis-sħiħ lir-reġjun, il-President tal-Korea t’Isfel, Moon Jae-in, qed iħeġġeġ biex l-Istati Uniti ma tattakkax il-peniżola Koreana ‘mingħajr il-kunsens tal-Gvern f’Seoul’.

Sadanittant, ir-rapporti mill-Korea ta’ Fuq qalu li l-Mexxej komunista, Kim Jong-un, ‘eżamina fit-tul il-pjani dwar Guam waqt li ddiskutihom ma’ uffiċjali militari ewlenin tar-reġim’. Ingħad ukoll li l-Kmandant tal-qawwiet strateġiċi tal-Korea komunista, ‘issa qed jistenna biss id-direttivi kruċjali wara li tlestew il-preparamenti militari għal Guam’.

Madankollu, mistenni, issa, li ‘Kim Jong-un isegwi lill-Istati Uniti qabel jieħu kwalunkwe deċiżjoni’. Dan, fih innifsu – u fi kliem l-osservaturi — qed jissimbolizza ‘tnaqqis fl-atteġġjament ta’ provokazzjoni’ min-naħa ta’ Pyongyang.

Korrispondenti qed jgħidu li, wara jiem ta’ theddid, jista’ jkun li Kim Jong-un jista’ qed jippreferi l-kawtela, għalkemm ħadd ma jista’ ikun ċert mill-vera pożizzjoni tal-Korea ta’ Fuq li tibqa’ pajjiż imprevedibbli għall-aħħar.