It-tim nazzjonali Malti jinsab fil-190 pożizzjoni tar-rankings mondjali tal-FIFA. Fil-preżent hemm 21 pajjiż biss, li huma membri tal-FIFA, li jinsabu warajna. Dan ġie żvelat hekk kif il-FIFA ħabbret ir-rankings aġġornati wara li matul ix-xahar li għadda saret it-Tazza tal-Konfederazzjonijiet.
Din tkun kompetizzjoni li ssir sena qabel it-Tazza tad-Dinja u l-edizzjoni ta’ din is-sena ntrebħet mill-Ġermanja, it-tim champion tad-dinja.
Minkejja li rebħu dan it-turnament, il-Ġermaniżi ma baqgħux jokkupaw l-ewwel post u nqabżu mill-Brażil.
L-Arġentina telgħu fit-tielet post mentri l-Iżvizzera telgħu fir-raba’ post u l-Polonja fil-ħames post. L-Italja qegħdin fit-12-il post u l-Ingilterra fit-13-il post. Sa mill-1993 dan hu l-aqwa post li qatt okkupaw l-Iżvizzeri.
L-agħar pożizzjoni li qatt okkupat Malta fl-istorja hi l-191 post. L-aqwa pożizzjoni li qatt okkupat Malta kien is-66 post, lura fl-1993 taħt il-kowċ nazzjonali Malti, Pippo Psaila.
L-impenn li jmiss għat-tim nazzjonali Malti hu dak tal-1 ta’ Settembru meta dakinhar jilagħbu kontra l-Ingilterra f’logħba valida mir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-2018.
//= $special ?>