L-attakkant tal-Brażil Neymar ġie mgħajjat biex jifforma parti mit-tim nazzjonali li jmissu jilgħab żewġ partiti validi mir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-2018, anke jekk il-Brażil diġà kkwalifikaw għall-fażi finali.
Il-Brażil imisshom jilagħbu kontra l-Ekwador u l-Kolombja u ħafna stennew li l-kowċ tal-Brażil Tite kien se jserraħ diversi plejers minħabba li t-tim tiegħu hu diġà ċert minn post fit-Tazza tad-Dinja li se ssir sena oħra fir-Russja.
Il-Brażil qegħdin fil-quċċata b’disa’ punti vantaġġ hekk kif fadal erba’ partiti. Minn naħa tiegħu Neymar għadu kemm ingħaqad ma’ PSG għal somma rekord u diġà skurja fid-debutt tiegħu mal-klabb il-ġdid tiegħu. Flimkien ma’ Neymar, bħala attakkanti fit-tim hemm Gabriel Jesus, Roberto Firmino u Taison.
Filwaqt li Tite għajjat lil Neymar hu ħalla barra lil David Luiz, Danilo u lil Douglas Costa.
Il-gowlkiper Ederson jista’ jagħmel id-debutt tiegħu jekk jilgħab f’xi partita minnhom.
Il-logħba kobtra l-Ekwador tintlagħab fil-31 ta’ Awwissu filwaqt li fil-5 ta’ Settembru l-Brażil jilagħbu kontra l-Kolombja.
L-iskwadra tal-Brażil:
Gowlkipers: Alisson, Cassio, Ederson.
Difensuri: Dani Alves, Rodrigo Caio, Fagner, Filipe Luis, Marcelo, Marquinhos, Miranda, Thiago Silva.
Midfielders: Renato Augusto, Casemiro, Philippe Coutinho, Fernandinho, Giuliano, Luan, Paulinho, Willian.
Attakkanti: Roberto Firmino, Gabriel Jesus, Neymar, Taison.