Minkejja l-problemi li kellhom il-McLaren f’dan l-ewwel nofs tal-istaġun, is-sewwieq tagħhom Fernando Alonso qal li hu kuntent bil-wirjiet tiegħu. Alonso qiegħed fil-15-il post f’dik li hi klassifika ġenerali tas-sewwieqa u ta’ min jinnota li hu ma ħax sehem fil-Grand Prix ta’ Monaco minħabba li tellaq fl-Indianapolis 500.
Fil-Grand Prix ta’ Baku temm fid-disa’ post filwaqt li fl-Ungerija daħal fis-sitt post imma fil-kumplament tat-tlielaq ma marx tajjeb.
“Ovvjament, bħala tim ma nistgħux nkunu kuntenti. Fl-istaġun li għadda konna qed immorru aħjar bħala tim imma fuq livell personali ninsab kuntent.
Kien staġun pożittiv għalija u jkolli ngħid li bil-karozzi ta’ din is-sena qed inkun nista’ ntellaq aktar bil-mod ta’ kif nixtieq jien. Issa la darba jkompli l-kampjonat se nagħmel minn kollox biex nibqa’ sejjer hekk,” qal Alonso.
Il-Grand Prix li jmiss se jsir fis-27 ta’ Awwissu u dan se jsir fil-Belġju.
//= $special ?>