Pajjiżna dejjem żamm għall-qalbu l-wirt storiku, u huma dawn il-monumenti li nbnew matul il-mhedda tas-snin li llum l-ġurnata jikkaraterizzaw lil Malta. Iżda sfortunatament, bil-fortuna tagħna li kull tefa’ ta’ ġebla f’Malta ssib dawn il-monumenti storiċi – aħna vittmi tal-lussu tagħna stess.
Dan il-bieb storiku li jinsab f’Santa Venera ilu għal snin twal jitħalla jispiċċa f’dan l-istat – fejn issa saħansitra qegħdin jaqgħu biċċiet sħaħ tal-ġebel u anke l-loġġ tal-ħadid waqa’ minn postu.
Fil-preżent, jidher li l-loġġ tal-ħadid antik waqa’ minn postu u qiegħed f’riskju li jinsteraq sakemm ma titteħidx azzjoni dwar dan.
Dan il-bieb storiku kien entratura mill-ġenb li jagħti għall-ġnien mibni mill-Kavallieri ta’ San Ġwann tar-residenza Casa Leoni, magħruf bħala ġnien Romeo Romano. Madanakollu, l-istat li fih jinsab illum dan il-bieb ma jikkumplimenta xejn lill-kapulavur ta’ xogħol fil-ġebla li kellu dan il-wirt storiku.
Illum dan il-bieb minbarra li hu sfreġju għall-istorja ta’ pajjiżna, hu wkoll ta’ periklu għall-pubbliku. Dan hekk kif fit-triq li jinsab fiha, Triq l-Imsida hi waħda traffikuża u użata minn bosta nies. B’hekk minn mument għall-ieħor biċċiet tal-ġebel qegħdin jaqgħu minn dan il-bieb antik, li jistgħu ikunu ta’ periklu għan-nies li jkunu qegħdin għaddejjin mill-bankina ta’ taħtu.
//= $special ?>