Elezzjoni Kap PN

FILMAT: Il-PN irid jimbotta riformi urġenti fil-qasam tal-ġustizzja

Il-qasam tal-ġustizzja u l-ordni fil-pajjiż saru ta’ tħassib daqs kemm kienu snin ilu meta l-Partit Nazzjonalista iġġieled għad-drittijiet tan-nies kontra l-politika tal-Prim Ministru Dom Mintoff. Dan qalu Adrian Delia, kandidat għall-elezzjoni ta’ Kap PN, meta indirizza l-ġurnalisti barra l-bini tal-Qorti.

Adrian Delia, li ilu ħamsa u għoxrin sena jaħdem ta’ avukat, qal lis-sistema ġudizzjarja m’hix tħalli r-riżultati mixtieqa għaliex il-Gvern mhux jinvesti fejn l-iżjed hemm bżonn b’konsegwenza li jbatu n-nies.  Hu tenna li għandu viżjoni fil-qasam tal-ġustizzja u jixtieq li mill-Oppożizzjoni, il-PN jasal biex jikkonvinċi lill-Gvern biex jimplimenta numru ta’ rakkomandazzjonijiet. Dawn huma:

  • Jissaħħaħ il-Kumitat dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura u tinfirex il-kompetenza tiegħu billi, fost affarijiet oħra, jintalab sabiex jirċievi u jeżamina espressjonijiet ta’ interess minn persuni li jkunu interessati li jinħatru f’kariga ġudizzjarja jew kważi-ġudizzjarja.
  • Isir studju dettaljat dwar jekk hux meħtieġ li tinbena Qorti ġdida li tikkumplimenta dik eżistenti. Bl-avvent tat-teknoloġija u b’investiment xieraq m’għandiex tkun problema jekk it-tieni qorti tinbena barra l-Belt Valletta sabiex tkun iżjed aċċessibli. Dan qiegħed jingħad l-għaliex l-ispazju fiżiku tal-bini tal-Qorti preżenti huwa wieħed limitat. B’Qorti oħra jkunu jistgħu jinħatru aktar ġudikanti biex niġu pari passu mal-medja Ewropeja u jitħaffu s-sentenzi.
  • Li l-Qrati jkollhom l-awtonomija amministrattiva tagħhom billi l-Qrati jkollhom budget allokat lilhom u li jiġi amministrat minnhom sabiex b’hekk tiżdied l-awtonomija tagħhom u ma jkunux jiddependu minn fuq xi Dipartiment Governattiv.
  • Nużaw b’mod aktar għaqli l-European Structural and Investment Funds sabiex tkompli titjieb u tavvanza s-sistema ġudizzjarja f’pajjiżna, inkluż dik teknoloġika.
  • Li jkun hemm aktar Qrati speċjalizzati sabiex b’hekk il-ġudikant li jkun qiegħed jippresjedi dik il-Qorti partikolari ikun aktar magħraf fis-suġġett u b’hekk ukoll tiżdied l-effiċjenza.
  • Il-Qorti tal-Familja, għandha tingħata prijorità. Din hija l-Qorti li ħafna nies jispiċċaw quddiemha u din hija l-Qorti li tajjeb jew ħażin tirregola ħajjet l-istess nies li jidhru quddiemha. Għalhekk, ma jistax ikun li jkun hemm biss żewġt imħallfin li jippresjedu din il-Qorti. Dan in-numru għandu jiżdied waqt li l-proċeduri għandhom jiġu aktar simplifikati. Ma jistax ikun li ċertu kawżi quddiem il-Qorti tal-Familja jkomplu jkaxkru s-snin. Hemm bżonn li dan is-settur, jiġi mgħejjun billi l-Qorti tal-Familja jkollha professjonisti li jkunu addetti magħha biss bħal psikologi, psikjatri, social workers, avukati tat-tfal u oħrajn.
  • Għalxejn jinħatru iżjed ġudikanti fl-ewwel Qorti jekk ma jkunx hemm riforma fil-Qrati tat-tieni istanza u ċioe l-Qorti tal-Appell, kemm dik Ċivili kif ukoll dik Kriminali.
  • Niddiskutu mal-partijiet konċernati biex naraw jekk wasalx iż-żmien li jkun hemm Qorti Suprema li tiddeċiedi biss kwistjonijiet li dwarhom ikun hemm sentenzi konfliġġenti u li jkunu ingħataw mill-Qorti tal-Appell. B’hekk ikun hemm deċiżjoni awtorevoli fuq materja li tkun qegħdha toħloq kunflitt minħabba d-deċiżjonijiet konfliġġenti.
  • Għandu jkun hemm sistema ta’ għajnuna legali aktar effiċjenti sabiex persuni li ma jkunux jistgħu jaċċedu għas-sistema ġudizzjarja l-għaliex ma jkunux jistgħu jħallsu l-ispejjez li kull ma jmur dejjem qed jiżdiedu, ikollhom tali aċċess.
  • Għandu jiġi aġġornat ir-rapport mħejji mill-Imħallef Giovanni Bonello sabiex jiġi implimentat b’mod immedjat. Għal dan il-għan għandu jinħatar Segretarju Parlamentari taħt id-direzzjoni tal-Ministru għal Gustizzja sabiex jara li din l-implimentazzjoni isseħħ f’dik il-leġiżlatura.
  • Għandhom jiżdiedu l-poteri tal-Kummissarju tal-Ġustizzja sabiex jieħdu iżjed ħsieb kwistjonjiet amministrattivi. B’hekk il-qrati u r-riżorsi diġa limitati tal-ġudikatura jintużaw għall-iskop proprju tagħhom biex jinqdew in-nies b’iżjed effiċjenza.

Sadattant meta tkellem dwar il-qasam tal-intern, Adrian Delia esprima t-tħassib tiegħu li sal-lum il-pajjiż jonfoq biss €9 f’taħriġ fuq kull membru tal-korp tal-pulizija fis-sena. Dan hu ammont redikolu. Il-pulizija għandhom jingħataw iżjed taħriġ biex jaqdu d-dmirijiet tagħhom kif jixraq.

Barra minn hekk irridu ninsistu, anke mill-Oppożizzjoni, biex il-membri tal-Korp tal-Pulizija jingħataw il-ħlasijiet dovuti lilhom f’overtime u allowances oħra mingħajr dewmien, qal Delia. “Jekk hemm bżonn, tingħata subvenzjoni diretta fil-Budget mill-Ministru tal-Finanzi biex dawn l-arretrati jinqatgħu darba għal dejjem u jitgawdew mill-familji tal-Pulizija issa, u mhux il-valur tagħhom jitnaqqar bl-inflazzjoni.”

Dwar l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, Adrian Delia qal li dan għandu jissaħħaħ b’riżorsi aħjar, pagi xierqa, uffiċċji moderni kif ukoll jiżdiedu l-poteri tal-AĠ sabiex jitneħħa kull suspett li jservi ta’ paraventu tal-gvern tal-ġurnata.