Dalgħodu quddiem il-Qorti bdiet tinstema’ t-talba tal-Partit Nazzjonalista għar-rekuża tal-Imħallef Antonio Mizzi milli jisma’ l-appell dwar jekk għandhiex issir investigazzjoni kriminali dwar l-iskandlu tal-Panama Papers.
Fil-bidu tas-seduta l-Imħallef Mizzi talab lill-udjenza u lill-ġurnalisti biex joħorġu mill-awla u sema’ l-kawża b’bibien magħluqa.
L-Appelli tressqu mill-Prim Ministru Joseph Muscat, Keith Schembri, Konrad Mizzi u dawk involuti fl-iskandlu tal-Panama Papers, wara li l-Maġistrat Ian Farrugia iddikjara li għandha tinfetaħ investigazzjoni kriminali.
Fi tmiem is-seduta tal-Erbgħa l-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li dawk kollha involuti fl-iskandlu tal-Panama Papers qed ikomplu jirreżistu l-bidu ta’ investigazzjoni kriminali u għalhekk qed ikomplu jwasslu għal dewmien biex issir ġustizzja.
Fl-argumenti tagħhom dawk li dwarhom qed tintalab inkjesta fosthom il-Prim Ministru, Keith Schembri u Konrad Mizzi qed ikomplu jinsistu li l-appelli mressqa minnhom jinstema’ minn Imħallef li hu miżżewweġ Deputat Laburista.
Jason Azzopardi, li deher bħala avukat għal Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, talab ir-rikuża tal-imħallef. Hu għamel trattazzjoni dettaljata għala l-imħallef għandu jieqaf jastjeni l-kawża. Spjega illi filwaqt li ħadd m’hu qed jattakka l-integreta tal-imħallef, il-mara tal-istess imħallef qiegħda titfa’ dell ikrah fuq kif il-ġustizzja qiegħda ssir. Fl-awla, Jason Azzopardi ppreżenta numru ta’ sentenzi.
Il-Partit Nazzjonalista kien qal li huwa fatt magħruf li mart l-Imħallef Mizzi hija d-Deputat Laburista Marlene Mizzi u għaldaqstant huwa naturali li wieħed jitlob li huwa m’għandux jiddeċiedi dan l-appell sabiex il-ġustizzja mhux biss issir iżda tkun tidher li qed issir.
Il-Partit Nazzjonalista kien spjega li dan mhux attakk fuq l-Imħallef Mizzi jew l-indipendenza tal-ġudikatura. Anzi, bil-maqlub hija insistenza għal indipendenza sħiħa tal-ġudikatura, li bħalissa tinsab mhedda mill-Gvern Laburista li qed jaħtar politiċi prominenti Laburisti fil-bank tal-ġudikatura sabiex jikkontrolla l-unika organu tal-istat li s’issa għad m’għandux kontroll fuqu.
Il-kawza issa titkpompla fil-11 ta’ Settembru.
//= $special ?>