Lokali

FILMAT: Simon Busuttil jappella biex l-Awditur Ġenerali jingħata aktar riżorsi

Hemm aktar minn 40 rapport pendenti, inkluż talbiet li saru mill-Oppożizzjoni għal investigazzjonijiet differenti, fosthom dwar il-kuntratt tal-powerstation, it-trasferiment tal-art tal-ITS u l-bejgħ tal-isptarijiet lill-VGH.

“Ġustizzja li ssir tard, mhi ġustizzja xejn,” qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil meta kien qed jitkellem fi tmiem żjara uffiċjali fil-bini tal-Uffiċju Nazzjonali tal-Verifika.

Simon Busuttil qal li bħalissa, l-Awditur Ġenerali għandu aktar minn 40 rapport pendenti, u għaldaqstant, dan l-Uffiċju għandu jingħata aktar riżorsi. Qal ukoll li l-Uffiċju tal-Verifika għandu jkollu ‘channel’ apposta li jinvestiga b’mod speċifiku t-talbiet li jsiru mill-Parlament.

Kien hawnekk fejn semma’ numru ta’ talbiet għal investigazzjonijiet li saru fl-aħħar xhur u snin, u li għadhom pendenti. Fost dawn hemm it-talba għal investigazzjoni dwar l-iskandlu tal-visas, dwar it-trasferiment tal-art tal-ITS, dwar il-bejgħ tat-tliet sptarijiet lill-VGH, u dwar il-kuntratt tal-powerstation.

“Jekk nieħdu t-talba dwar l-investigazzjoni dwar il-powerstation, din ilha aktar minn sentejn,” spjega Simon Busuttil. “U allura aħna qed ngħidu li l-Uffiċju tal-Verifika għandu jkollu aktar riżorsi biex ikun jista’ jagħmel aktar investigazzjonijiet fi żmien aktar qasir,” żied jgħid, waqt li saħaq li l-ġustizzja li ssir tard, mhi ġustizzja xejn. “Jekk l-Uffiċju tal-Verifika jdum biex jagħti rapport, tbati l-governanza tajba,” spjega Simon Busuttil.

Għaż-żjara fl-Uffiċju tal-Awditur Ġenerali, Simon Busuttil kien akkumpanjat mill-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Affarijiet tal-Parlament Mario DeMarco u mill-Whip David Agius.

Simon Busuttil qal li l-Oppożizzjoni tappoġġja bis-sħiħ l-Uffiċju tal-Verifika, għax dan hu wieħed mill-ftit li għadu indipendenti, fid-dawl tal-mod kif il-Gvern Laburista ħataf l-istituzzjonijiet.
“L-Ombudsman u l-Awditur Ġenerali huma eletti b’żewġ terzi tal-kamra. U din hi l-istess raġuni għaliex aħna dejjem ħassejna li għandu jkun hemm l-għola karigi f’pajjiżna jinħatru bl-istess mod,” spjega l-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

“Kif il-mudell tal-Ombudsman u l-Awditur Ġenerali uriena li hu tajjeb li jkollok istituzzjonijiet indipendenti, hekk ukoll istituzzjonijiet oħrajn jistgħu jkunu indipendenti fl-interess taċ-ċittadini Maltin,” żied jgħid.

Żied jispjega li fost il-karigi li għandhom jinħatru biż-żewġ terzi hemm il-President tar-Repubblika imma anke uffiċjali oħra, bħall-Kummissarju tal-Pulizija.

“Huwa b’sodisfazzjon kbir li f’waħda mill-aħħar żjarat tiegħi bħala Kap tal-Oppożizzjoni, niġi għand l-Uffiċju tal-Awditur Ġenerali, għax għalija huwa uffiċju simbolu ta’ dak li jiena nemmen fih bis-saħħa… governanza tajba,” temm jgħid Simon Busuttil.

F’risposti għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, Simon Busuttil tkellem ukoll dwar it-talba tal-Oppożizzjoni fil-Qorti li ssir investigazzjoni dwar l-iskandlu tal-Panama u l-mod kif il-Gvern għadu qed jirreżisti li tibda investigazzjoni.

Qal li d-direzzjoni tiegħu bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista hija waħda li għandha l-appoġġ tal-kollegi Parlamentari tiegħu, u li titkompla l-ġlieda sabiex issir il-ġustizzja.