Elezzjoni Kap PN Lokali

Il-PN irid ifassal l-aġenda tiegħu mibnija fuq politika tan-nies – Adrian Delia

Il-Partit Nazzjonalista jrid ifassal l-agenda tiegħu fuq politika tan-nies, wara li jkun sema’ u ddiskuta mas-saffi kollha fi ħadnu u wara li jifhem sew u jixtarr is-soċjeta’. Dan qalu Adrian Delia, kandidat għall-elezzjoni ta’ Kap PN f’messaġġ li bagħat lill-kunsilliera, tesserati u membri tal-kumitati kollha fi ħdan il-PN.

Fix-xhur li ġejjin, l-amministrazzjoni l-ġdida tal-partit trid tiftaħ process ta’ djalogu wiesgħa biex fuqu tibni l-agenda tal-partit, qal Adrian Delia waqt li saħaq li spiċċa ż-żmien li xi ħadd minnbarra l-partit jipprova jiddetta kif għandna nitkelmu.

“Partit politiku hu magħmul min-nies u jaħdem biss għan-nies. Irridu niksbu l-fiduċja tal-poplu billi nibgħatu messaġġi ċari li bihom inkattru l-fiduċja u mhux billi nipprovaw ngħidu lin-nies kif għandhom jaħsbu u jitkellmu,” saħaq Adrian Delia.

Hu fakkar kif kien l-ewwel minn fost il-kandidati għall-elezzjoni ta’ Kap tal-PN li ppropona li l-AZAD issir verament ċentru ta’ ħsieb politiku u li l-ewwel inkarigu li għandu jkollha, jekk jintgħażel bhala Kap, se jkun li tikkummissjona studju soċjoloġiku xentifiku li jagħti stampa ċara tas-soċjeta tal-lum u kif se tkun għada u pietgħada. “Permess ta’ dan l-istudju f’idejna se nkunu nistaw niddibattu internament, ma kull minn għandu għal qalbu l-partit u l-pajjiż, sabiex flimkien infasslu l-politika li fuqha se jimxi l-Partit Nazzjonalista,” qal Adrian Delia.

Adrian Delia qal ukoll li l-PN hu partit kbir b’135,000 votant warajh kif ukoll b’eluf oħra li lesti jerġaw jivvotawlu jekk jaraw mod ġdid fit-tmexxija tal-partit. “Dan jimlina kuraġġ li minkejja kollox hemm bażi soda fuq xiex wieħed jista jibni, basta kulħadd jifhem li ħadd m’hu akbar mill-partit,” qal Adrian Delia.

Hu tenna li wara t-tħabbir tal-proposti tiegħu għas-settur tal-Intern u l-Ġustizzja din il-ġimgħa rċieva għexieren ta’ messaġġi ta’ nies li jaħdmu f’dan il-qasam li wrewh appoġġ għall-mod ġdid kif qed jitkellem dwar setturi varji li jimpattaw il-ħajja ta’ ħafna nies.

“Waqt li nkomplu l-ġlieda kontra l-korruzzjoni bis-saħħa kollha u nibqaw niddefendu d-demokrazija u l-liberta’ ta’ l-espressjoni, l-agenda tal-PN jagħmilha l-partit għax huma l-membri tal-kumitati u l-kunsilliera li jmissu mal-problemi tan-nies u li jafu li l-PN irid jerġa jitkellem bil-lingwa tan-nies biex isolvi l-problemi ta’ kuljum,” temm jgħid Adrian Delia.

“Inħosni onorat li fil-perjodu qasir li ili fil-politika diġa ltqajt ma mijiet ta’ persuni, kemm Nazzjonalisti kif ukoll oħrajn li m’humiex, li fetħu qalbhom u djarhom biex jilqaw il-mod ġdid li bih nixtieq li mmexxi l-PN. Dawn il-mijiet ta’ persuni ma jridu xejn għajr serħan il-moħħ li l-ekonomija tal-pajjiż tibqa sejra tajjeb, li l-istituzzjonijiet tal-pajjiż jaħdmu b’mod ġust u li l-Partit Nazzjonalista se jismagħhom u jagħti każhom. Il-biża ta’ dawn in-nies hu li nintgħalqu f’kamra u jkunu biss erbgħa min-nies li jiddeċiedu l-agenda tal-partit. Il-wegħda solenni tiegħi hi li bhala Kap tal-PN dan ma jerġa jiġri qatt iżjed,” qal Adrian Delia.