Bħala Prim Ministru nara li fil-liġi dwar żwieġ ugwali terġa’ tidħol referenza għall-omm u l-missier, u dan mingħajr ma jitneħħa xejn mid-drittijiet li l-istess liġi tagħti lil koppji tal-istess sess li jiżżewġu. It-terminu ġenitur jibqa’ fil-liġi biex min jixtieq juża dan it-terminu jkun fil-libertà li jagħmel dan. Jien ivvutajt favur il-liġi taż-żwieġ ugwali, mhux l-inqas għax kienet imwiegħda fil-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista, madankollu hu fatt magħruf li l-gvern daħħal numru ta’ emendi li minflok saħħew, dgħajfu l-kunċett ta’ familja – bħal ma’ kienet it-tneħħija għal kull riferenza lejn omm u missier. Dan qalu l-kandidat ghall-Kap tal-Partit Nazzjonalista u shadow minister Chris Said f’kummenti lill-midja.
Chris Said saħaq li kull tip ta’ familja għandha tingħata l-appoġġ sħiħ tal-istat, iżda ma jagħmilx sens li tneħħi r-riferenzi għal omm u missier, kif għamel il-gvern ta’ Muscat. Pajjiżna għandu jiċċelebra l-kunċett ta’ omm u missier mhux jistħi jsemmihom, qal il-kandidat għal Kap tal-PN.
Chris Said fakkar kif hu għamilha ċara, sa mill-ewwel ġurnata tal-kampanja tiegħu għal Kap tal-PN li bħala Kap tal-Oppożizzjoni jagħti free vote lid-deputati Nazzjonalisti fuq kwistjonijiet etiċi u morali u dan wara diskussjoni fil-Grupp Parlamentari u l-istrutturi tal-partit. Il-Partit Nazzjonalista, qal il-kandidat għal Kap tal-PN, għandu jiċċelebra d-diversità fi ħdanu, ikun id-dar naturali għal kull min hu ta’ rieda tajba u jkun partit li jirrifletti d-diversità li teżisti fis-soċjetà – dan filwaqt li nżommu b’saħħithom il-valuri tas-solidarjetà u l-ġustizzja li fuqhom hu mibni l-Partit Nazzjonalista.
Intant, waqt attività politika fil-każin tal-Partit Nazzjonalista tan-Naxxar l-Erbgħa filgħaxija, Chris Said spjega kif l-esperjenza ta’ aktar minn tletin sena fil-politika, minn membru ta’ fergħa ghal Sindku, minn deputat Parlamentari għal Segretarju Parlamentari, minn Ministru għal Segretarju Generali u minn shadow minister għal kandidat għal Kap tal-PN għallmitu li l-ebda sfida mhi impossibbli li tintrebaħ jekk ningħaqdu flimkien u npoġġu l-interess tal-pajjiż u tal-partit l-ewwel u qabel kollox.
Chris Said spjega kif l-unika avversarju politiku tal-PN huwa l-Gvern ta’ Muscat u li hu se juża’ l-esperjenza twila tiegħu fil-politika biex jieqaf lill-Gvern Laburista quddiem l-inġustizzji li qed jagħmel man-Nazzjonalisti u quddiem il-korruzzjoni.
Preżenti għal-laqgħa ma’ Chris Said fil-każin Nazzjonalista tan-Naxxar kien hemm għadd ta’ attivisti kif ukoll deputati Nazzjonalisti, fosthom Claudette Buttigieg, Maria Deguara, Jason Azzopardi, Karl Gouder, l-eks deputat Ċensu Galea, l-MEP David Casa u l-eks ministru Louis Deguara.
//= $special ?>