Elezzjoni Kap PN Lokali

Jiżdied l-investiment fil-media tal-Partit Nazzjonalista – Alex Perici Calascione

Il-Partit Nazzjonalista għandu għad-dispożizzjoni tiegħu l-akbar media house f’Malta; stazzjon tat-televiżjoni, stazzjon tar-radju, gazzetta ta’ kuljum, gazzetta ta’ kull nhar ta’ Ħadd u news portal. Pjattaformi differenti li l-iskop ewlieni tagħhom hu li jagħtu servizz u fuq kollox iwasslu l-messaġġ tal-partit.

Mezzi ta’ komunikazzjoni li għandhom udjenzi diversi u li għalhekk jużaw strateġiji diversi.

B’rabta ma dan Alex Perici Calascione, l-kandidat għall-Kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Partit Nazzjonalista jrid jagħraf l-opportunitajiet li l-media tiegħu toffri permezz tal-mezzi differenti li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu. Permezz ta’ dawn il-mezzi, u b’udjenzi dejjem jikbru, li l-Partit Nazzjonalista għandu l-opportunità jwassal il-messaġġ tiegħu lill-firxa aktar wiesgħa tas-soċjetà.

Irridu nifhmu li l-media għandha rwoli differenti, u tilħaq nies differenti. Mhux kulħadd isegwi kollox.
Għalhekk il-Partit Nazzjonalista jrid ikun għaqli u effettiv billi jwassal il-messaġġ b’mod b’saħħtu lill-udjenzi partikolari. Alex Perici Calascione jsostni li ma għadux aktar iż-żmien ta’ messaġġ wieħed għal kulħadd.
Il-partit irid iwassal messaġġ ċar fuq media organizzata u orjentata lejn soċjetà li trid tkun infurmata dejjem iktar u fil-pront.

Quddiem dawn l-isfidi, Alex Perici Calascione jimpenja ruħu sabiex l-investiment fil-media tal-partit
ikompli jiżdied. “Nifhmu l-importanza tal-media u se nkomplu ninvestu fl-iżvilupp tagħha. Nifhmu liema huma l-pjattaformi li permezz tagħhom il-partit jista’ jwassal il-messaġġ aktar effiċjenti u se nsaħħuhom mingħajr ma nnaqqsu mis-saħħa tal-media tradizzjonali li għad għandha rwol validu fis-soċjetà tal-lum.”

“ll-pedamenti qegħdin hemm. Issa rridu nkomplu nibnu bil-għaqal … bi ħsieb u b’sostenibbiltà”, temm jgħid Alex Perci Calascione.