Futbol Sport

L-FA Spanjola tikkonferma s-sospensjoni ta’ Ronaldo

L-FA Spanjola kkonfermat s-sospensjoni ta’ ħames logħbiet fil-konfront tal-istilla ta’ Real Madrid Cristiano Ronaldo.

B’hekk Ronaldo se jitlef il-logħba ta’ ritorn tas-Super Cup Spanjola kontra Barcelona li kellha tintlagħab tard ilbieraħ, kif ukoll l-ewwel erba’ logħbiet tal-Liga, fejn Real Madrid se jiftħu l-impenji tagħhom kontra Deportivo La Coruna nhar il-Ħadd li ġej.

Cristiano Ronaldo kien tkeċċa fl-ewwel leg tas-Super Cup Spanjola nhar il-Ħadd fil-Camp Nou, logħba li Real Madrid rebħu bl-iskor ta’ 3-1. Ronaldo kien il-protagonista kemm fit-tajjeb kif ukoll fil-ħażin għaliex fil-25 minuta li lagħab bħala sostitut, skorja l-gowl tal-vantaġġ ta’ Real u dabbar żewġ karti sofor.

Ronaldo dabbar l-ewwel karta safra wara li neħħa l-flokk biex jiċċelebra l-gowl tiegħu u ftit wara ntwera t-tieni karta minħabba simulazzjoni meta waqa’ fil-kaxxa ta’ Barcelona. Malli ntwera l-karta l-ħamra Cristiano Ronaldo deher jimbotta b’mod ħafif iżda evidenti lir-referee.

Fil-fatt fis-sentenza tagħha li kienet ikkonfermata mill-FA Spanjola, kien konfermat li Cristiano Ronaldo weħel logħba sospensjoni minħabba li ntwera żewġ karti sofor, u erba’ logħbiet oħra talli mbotta lir-referee tal-logħba.