L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi hi kontra l-iżvilupp ta’ kumpless kummerċjali f’barriera f’Marsaskala li tinsab fiż-żona barra l-iżvilupp (ODZ).
Fi stqarrija l-MDA qalet li filwaqt li r-rijabilitazzjoni ta’ barriera mhux użati hi xi ħaġa pożittiva għaliex barriera hi ġerħa fil-pajsaġġ, dawn m’għandhomx iservu bħala skuża biex tikseb permess ta’ żvilupp li mhux kompatibbli f’ODZ.
L-Assoċjazzjoni qed tirreferi għal applikazzjoni sabiex din il-barrieri tkun żviluppata f’kumpless kummerċjali kbir li jinkludi mħażen, parkeġġ taħt l-art u uffiċċji. L-MDA qalet li kull żvilupp, partikolarment fejn jidħol ODZ għandu jkun skont il-policies eżistenti u li din l-applikazzjoni qed toħloq preċedent perikoluż peress li barrieri mhux użati għandhom ikunu riabilitati billi jimtlew bi skart tal-kostruzzjoni.
L-MDA qalet li din l-applikazzjoni toħloq preċedent fejn sidien oħrajn ta’ barrieri mhux użati jipprovaw japplikaw għall-istess tip ta’ żvilupp. Is-sidien tal-barrieri membri tal-MDA jappoġġjaw din il-pożizzjoni, aktar u aktar minħabba ilmenti ġustifikati ta’ diskriminazzjoni f’każ li applikazzjoni bħal din tiġi aċċettata u oħrajn simili ikunu miċħuda.
//= $special ?>

