Lija Athletic ippreżentaw l-akkwisti l-ġodda għall-istaġun 2017/18 f’konferenza tal-aħbarijiet li saret dan l-aħħar.
Paul Fenech, President tal-klabb, beda billi rringrazzja lill-plejers kollha li taw servizz matul l-istaġun li għadda biex għall-ewwel darba fl-istorja tal-klabb intrebaħ il-Kampjonat BOV tal-Ewwel Diviżjoni. Hu qal li għal dan l-istaġun inġabu plejers oħra għall-Kampjonat BOV Premier għaliex bilfors li kellhom jippruvaw jissaħħu biex iwettqu t-tieni ħolma tagħhom.
“L-ewwel ħolma tagħna lħaqniha, dik li għall-ewwel darba fl-istorja tal-klabb nitilgħu Premier bħala champions. Issa għandna t-tieni ħolma, dik li għall-ewwel darba fl-Istorja tal-klabb insalvaw u nibqgħu mal-kbar. Għaldaqstant irrid nirringrazzja lil dawk kollha li b’xi mod kienu ta’ servizz għall-klabb,” qal Fenech.
La darba se jkun hemm 14-il tim fil-Kampjonat BOV Premier, Fenech qal li jaħseb li l-fatt li hemm aktar timijiet se jagħti ċans liż-żgħar iżommu posthom mal-kbar.
Tkellem ukoll Joe Galea, kowċ tat-tim. Galea qal li l-objettiv tal-klabb hu li jsalvaw posthom mal-kbar.
L-akkwisti l-ġodda ta’ Lija Athletic għal dan l-istaġun huma Ousmaine Sidibe, Djamal Lee Flanfe, Marcelo Diaz De Sousa, Haris Memisevic, Jonathan Martinelli, Nigel Spiteri, Luke Attard, Dylan Mintoff u Zack Baumann.
It-tim ta’ Lija Athletic se jkun immexxi mill-kowċ Joe Galea. L-ewwel impenn ta’ Lija jkun il-Ġimgħa kontra Gżira Utd.