Internazzjonali

Mandat ta’ arrest internazzjonali għal mexxej militari Libjan

 

Il-Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC) ħarġet mandat ta’ arrest internazzjonali għal reati tal-gwerra kontra mexxej militari ewlieni Libjan.

Mahmoud Mustafa Busayf Al-Werfalli hu s-suspettat ewlieni wara l-qtil ta’ 33 persuna f’Bengażi.

Al-Werfalli, imwieled fl-1978, hu kmandant ewlieni tal-Brigata Al-Saiqa, taqsima speċjali li kienet inqatgħet għal rasha wara r-ribelljoni kontra t-tmexxija ta’ Muammar Gaddafi. Hu ilu bi rwol importanti f’din it-taqsima militari mill-2015, skont l-Imħallfin fl-ICC.

Minn dakinhar, il-Brigata qed tiġġieled b’appoġġ għall-forzi ta’ Khalifa Haftar f’Bengażi, it-tieni l-akbar belt Libjana, u li reċentament inħelset mill-kontroll tal-militanti Iżlamiċi wara battalja li kienet ilha sejra għal dawn l-aħħar tliet snin.

Al-Werfalli hu akkużat li kien involut tal-anqas f’seba’ inċidenti bejn l-2016 u l-2017, li fihom hu personalment spara jew ordna l-esekuzzjoni ta’ nies li kienu  ċivili jew ġellieda midruba. L-ICC qalet li mhemm xejn li juri li dawk li nqatlu ngħataw ċans jgħaddu minn proċess.

F’idejn l-ICC hemm diversi filmati li juru lil Al-Werfalli joqtol in-nies personalment inkella jagħti l-ordni biex jinfetaħ in-nar fuqhom – jidhru każi ta’ 15-il persuna.

Fatou Bensouda, il-Prosekutur Kap tal-ICC, ħeġġeġ lill-awtoritajiet Libjani biex jarrestaw u jestradixxu lil Al-Werfalli lill-ICC mingħajr dewmien.

L-ICC għadha f’tilwima mal-awtoritajiet Libjani minħabba l-estradizzjoni ta’ Saif al-Islam, iben Muammar Ghaddafi. Kemm l-ICC kif ukoll l-awtoritajiet Libjani qed jgħidu li għandhom id-dritt iressquh il-qorti. Hu reċentament inħeles mill-priġunerija, imma mhux magħruf fejn jinstab. Seif hu mfittex minħabba reati kontra l-umanità matul l-irvellijiet kontra t-tmexxija ta’ missieru.