Futbol Sport

Real Madrid jirbħu s-Super Cup Spanjola

Plejers ta’ Real Madrid jiċċelebraw is-suċċess tagħhom

Tard l-Erbgħa filgħaxija Real Madrid rebħu s-Super Cup Spanjola meta fit-tieni leg tal-finali rebħu 2-0 fil-Bernabeu kontra r-rivali Barcelona.
It-tim ta’ Zidane kien diġà rebaħ l-ewwel leg fil-Camp Nou bi skor ta’ 3-1 u b’hekk bdew bħala l-akbar favoriti li jirbħu t-tieni unur dan l-istaġun wara li ġimgħa ilu rebħu l-UEFA Super Cup (meta fil-finali għelbu lil Manchester Utd).

Minkejja li kellhom lil Cristiano Ronaldo nieqes għax kien qed jiskonta l-ewwel logħba minn ħamsa ta’ sospensjoni li ngħata, il-wirja tagħhom kienet dominanti u Barcelona qatt ma dehru li kienu se jwettqu rimonta.

Wara biss erba’ minuti Real fetħu l-iskor permezz ta’ Marco ASENSIO li skurja b’xutt minn barra l-kaxxa. Ta’ min jiftakar li Asensio kien diġà skurja fl-ewwel leg.

Ħames minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima Real irduppjaw l-iskor permezz ta’ BENZEMA biex b’hekk aċċertaw mir-rebħ tat-titlu.
Minkejja li Barcelona tjiebu kemmxejn dawn xorta waħda ma kinux daqstant perikolużi. Kien biss mument rari meta Messi u Saurez laqtu l-lasta.

Grazzi għal dan is-suċċess issa l-kowċ ta’ Real Madrid, Zidane, li fi tmiem il-ġimgħa ġedded il-kuntratt, diġà rebaħ darbtejn iċ-Champions League, il-UEFA Super Cup, il-kampjonat u s-Super Cup.

Ta’ min jinnota li minbarra Ronaldo, Real Madrid kellhom anke niqsin lil Gareth Bale u lil Isco. Dan minħabba l-fatt li Zidane għażel li jserraħ lil dawn iż-żewġ plejers għall-ewwel konfront tal-kampjonat nhar il-Ħadd li ġej kontra Valencia. Minn naħa tagħhom issa Barcelona jittamaw li jwettqu reazzjoni hekk kif jibdew l-impenji fil-kampjonat nhar il-Ħadd kontra Real Betis. Jista’ jagħti l-każ li dawn ikunu mingħajr l-attakkant Luis Suarez li weġġa’ lejn tmiem il-partita.

S’issa Barcelona ma mpressjonaw xejn taħt it-tmexxija tal-kowċ il-ġdid Ernesto Valverde li ħa post Luis Enrique.
F’kummenti li ta Zidane wara l-partita qal li dejjem qed ikun impressjonat bil-mod ta’ kif it-tim jibqa’ jilgħab bl-istess ritmu, anke jekk isiru xi tibdiliet.

“Bdejna l-istaġun bl-aqwa mod u ma rridux nieqfu hawn. Fadal ħafna x’nirbħu u kif għidt wara l-finali tal-UEFA Super Cup, nirbħu kemm nirbħu se nibqgħu għatxana.”

Minn naħa tiegħu l-kowċ ta’ Barcelona Ernesto Valverde qal li minkejja li Real kienu superjuri ħeġġeġ lill-plejers tiegħu biex ma jaqgħtux qalbhom għax jaf li anke Real kapaċi jitilfu matul l-istaġun.